Lokali

Organizzat seminar għall-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ llum u ddiskuta fit-tul miżuri biex isaħħaħ u jtejjeb il-ħidma tiegħu fil-Parlament u fil-pajjiż.

Il-laqgħa kienet preseduta mill-Kap tal-Partit u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Louis Galea, inkarigat mir-riforma u t-tiġdid tal-Partit, ippreżenta rapport dwar passi li jgħinu l-Grupp ikun aktar effettiv. Il-laqgħa saret fis-Sala tal-Konferenzi Hilltop Gardens Naxxar.  

Il-laqgħa bdiet b’introduzzjoni mill-Kap Adrian Delia li beda billi rringrazzja lill-membri kollha tal-Grupp għall-ħidma li huma jwettqu. Huwa qal li japprezza s-sagrifiċċji, l-ħin u l-enerġija li huma jiddedikaw biex iżommu l-Gvern kontabbli u taħt skrutinju.

“Biżżejjed wieħed iħares lejn in-numru kbir ta’ mistoqsijiet parlamentari, parteċipazzjoni fid-diskussjonijiet fuq liġijiet, mozzjonijiet u sehem mill-aktar attiv fid-diversi Kumitati tal-Parlament li jkopru varjetà ta’ oqsma. Barra minn hekk il-Grupp ikollu laqgħat regolari ma’ setturi importanti fl-iżvilupp tal-pajjiż; soċjetà ċivili, unjins, min iħaddem, negozji kbar u żgħar, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, nisa u anzjani.”  

Adrian Delia qal li biex l-Oppożizzjoni tkun aktar effettiva għandha bżonn aktar risorsi. “Dan huwa suġġett li dwaru qed nitkellmu mal-Ispeaker. Aktar kemm jgħaddi żmien aktar isir diffiċli li l-Membri Parlamentari jkunu tassew rappreżentanti tal-poplu jekk jibqgħu jaħdmu b’riżorsi inadegwati u limitati, speċjalment fejn tidħol ir-riċerka dwar oqsma li jolqtu lill-poplu u l-familji tagħhom mill-qrib.  

Adrian Delia qal li l-ħidma ta’ Membri Parlamentari fi clusters qed tagħti l-frott u hemm bżonn li tissaħħaħ. Huwa stieden lill-Membri Parlamentari biex jagħtu l-kontribut tagħhom b’analiżi kritika u bi proposti kostruttivi dwar il-ħidma tal-Grupp.

“Il-missjoni tagħna hi li nkunu ta’ servizz għall-pajjiż u għal kull ċittadin tiegħu u kull persuna li tkun Malta.”   Wara l-introduzzjoni tal-Kap kien hemm kontributi minn kull Membru preżenti, nkluż preżentazzjoni minn Louis Galea bi proposti dwar miżuri li jgħinu l-Grupp jaħdem bħala tim u b’mod aktar effettiv.

Għal-laqgħa kienu preżenti d-Deputati kollha ħlief Hermann Schiavone u Jason Azzopardi li huma msefrin, Marthese Portelli u Simon Busuttil li ġġustifikaw l-assenza tagħhom, filwaqt li Frederick Azzopardi u Mario Galea kienu indisposti.

Il-laqgħa bdiet fid-9:15 u kompliet sal-16:30.