‘Kummerċjalizzazzjoni intensiva li se tħalli impatt devastanti’
Bosta Ġiljaniżi u Slimiżi ngħaqdu flimkien fi protesta kontra applikazzjoni ta’ żvilupp fil-bajja tal-Balluta li jekk approvat, ser ikun qed joħroġ permess biex jinbena moll privat għal servizz ta’ ferry minn u lejn il-Fortina.
Fost l-argumenti li tqajmu tul il-protesta b’oġġezzjoni għal dan il-proġett, issemma’ t-tniġġis qawwi li dan il-proġett ser ikun qed iħalli fuq il-baħar, kif ukoll l-effett detrimentali li ser iħalli fuq l-għawwiema tal-Balluta.
Andrè Callus, attivist tal-Moviment Graffiti, żied jgħid li dan il-proġett se jgerrex lill-għawwiema f’tentattiv ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-lokalità ta’ San Ġiljan, bi skapitù tal-interess komuni li mhux qed jiġi mħares.
Is-Sindku tal-Partit Nazzjonalista ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, bl-istess mod irrefera għal proġetti bħal dawn, bħala assedju li qed iseħħ ġimgħa wara ġimgħa fuq il-lokalità ta’ San Ġiljan.
Ġiet espressa wkoll il-biża’ li dan it-tip ta’ kummerċ, ser iwassal għal sitwazzjoni simili tal-ferries ta’ Tas-Sliema, fejn ix-xatt imtela bi stabbilimenti kummerċjali.
Infatti, is-Sindku ta’ Tas-Sliema kien preżenti wkoll għal din il-protesta fejn tkellem mill-esperjenza tal-lokalità Slimiża u ddeskriviha bħala sitwazzjoni intollerabbli. Hu esprima s-sentiment li jixtieq li din tiġi evitata mil-lokalità ta’ San Ġiljan.
Preżenti għall-protesta kien hemm ukoll rappreżentanti minn għaqdiet mhux governattivi, fosthom Claire Bonello minn Friends of the Earth Malta.
L-applikazzjoni waslet issa fl-istadju ta’ wara l-għeluq tal-konsultazzjoni pubblika, fejn isiru l-oġġezzjonijiet mill-pubbliku. Qed jitħejja wkoll ir-rapport mill-case officer li imbagħad jitmexxa quddiem il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.
//= $special ?>