Ambjent Lokali

Wara nuqqas ta’ snin: jerġa’ jfeġġ id-drenaġġ fil-baħar tal-Imsida

Ta’ kuljum, mijiet jekk mhux eluf ta’ persuni jgħaddu mix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex fl-Imsida – min għal xi passiġġjata u min biex jixtri mill-għadd ta’ ħwienet li hemm.

Iżda minn għadda minn din it-triq fil-jum tal-Ħadd innota riħa qawwija ta’ drenaġġ ġejja mill-baħar. Fil-fatt, ritratti li waslu għand NET News ikkonfermaw li fil-baħar deher ammont qawwi ta’ ħmieġ, li jidher li żbroffa mid-drenaġġ.

Fl-aħħar ġimgħat u xhur, saru diversi rapporti dwar irwejjaħ qawwija ta’ drenaġġ f’din it-triq u f’toroq oħrajn li jgħaqdu magħha. Dan jistona sew mal-investimenti li kienu saru fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti bl-installar ta’ pompa li kienet tipproċessa d-drenaġġ qabel ma jmess mal-baħar.

Iżda Ħaddiema mill-Korporazzjoni tal-Ilma li tkellmu ma’ NET News spjegaw li hu evidenti li dawn il-problemi regolari qed iseħħu minħabba ż-żieda qawwija ta’ bini fiż-żona.

Fil-fatt, fl-aħħar xhur, kienu nnutati għadd kbir ta’ residenzi privati li twaqqgħu u minflokhom ittellgħu blokok ta’ flats jew binjiet oħra akbar. Madankollu, u minkejja li l-permessi nħarġu qishom pastizzi, l-awtoritajiet ma jidher li għamlu xejn biex jaraw li l-infrastruttura tad-drenaġġ tiġi aġġornata għal din iż-żieda fir-residenti.

Għaldaqstant, dan in-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul jidher li se jkun qed iħalli impatt qawwi fil-baħar u fit-toroq qrib din l-arterja prinċipali f’pajjiżna.

Residenti li tkellmu ma’ NET News qalu li ilhom jirrappurtaw dawn il-problemi lill-awtoritajiet konċernati u, għalkemm il-Ħaddiema tal-Korporazzjoni tal-Ilma qed jiġu ta’ spiss inaddfu fejn ikun instadd, dan ma jieħux post l-investiment li hu meħtieġ li jsir biex titranġa s-sistema kollha.

Ir-residenti qalu li dan kollu qed iżid il-preżenza ta’ ġrieden, filwaqt li ħwienet fil-madwar qed igergru għall-fatt li l-klijenti mhux jissapportu dawk l-irwejjaħ qawwija.

Sadanittant, fil-Budget ta’ din is-sena l-Gvern ħabbar li matul l-2020 għandu jibda l-proġett ta’ tkabbir fil-promenade Misidjan. Fid-dawl ta’ dawn il-problemi bid-drenaġġ, ħafna qed jesprimu x-xettiċiżmu tagħhom dwar kemm dan se jkun possibbli u jekk iva, kemm se jkun suċċess bir-rwejjaħ qawwija li se jkunu qed jiddominaw iż-żona.