Internazzjonali

Belarus: Vot għall-Parlament li qed jinteressa lill-Punent

Numru ta’ osservaturi barranin qed janalizzaw mill-qrib l-elezzjonijiet għall-Parlament tal-Belarus u l-iżviluppi relatati, biex jaraw kemm il-President awtoritarju, Alexander Lukashenko, se jippermetti ‘spazju’ lill-kandidati tal-Oppożizzjoni. Dan meta l-Belarus, magħruf bħala alleat sod ħafna tar-Russja, qed jara kif jibbilanċja r-rabtiet mill-qrib ma’ Moska u politika relattivament ġdida għal avviċinament mal-Punent.

Filwaqt li l-Parlament tal-Belarus hu influwenzat bil-kbir minn Lukashenko, il-Punent irid jara kemm dan il-President jista’ iċedi mill-poter assolut tiegħu meta hu ilu jmexxi pajjiżu bil-ponn tal-ħadid għal 25 sena. Il-Belarus għandu poplu ta’ għaxar miljuni u l-analisti ta’ spiss jirreferu għall-pajjiż bħala ‘l-aħħar dittatorjat fl-Ewropa.

Madankollu, Lukashenko, fl-aħħar snin, ipprova jibni relazzjonijiet aħjar mal-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea — b’400 osservatur tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa, fil-preżent, qegħdin josservaw l-elezzjoni fil-Belarus. Filwaqt li ‘il fuq minn 300 kandidat tal-Oppożizzjoni kkuntestaw l-elezzjoni, hu minnu wkoll li persuni oħrajn ma ngħatawx il-permess biex jirreġistraw bħala kandidati.