Fil-binja tal-Parlament f’nofs din il-ġimgħa żviluppa argument jaħraq ħafna direttament bejn Chris Fearne u Chris Cardona, iż-żewġ Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista, dwar il-mod kif Keith Schembri kien qiegħed jagħmel ħsara kbira ħafna lix-xogħol tal-Gvern bl-atteġġjament tiegħu.
Il-Mument tirrapporta li l-argument żviluppa dwar kif iċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien qiegħed itellef il-punti lill-Gvern.
Chris Fearne, id-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament, ilu voċiferu li l-pożizzjoni ta’ Keith Schembri, imtaqqal b’għadd ġmielu ta’ dellijiet, hi waħda mhux tenibbli aktar u li kien għalih ilu li ttajjar mill-kariga sensittiva tiegħu bħala ċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Mhux tal-istess fehma hu Chris Cardona li biex jidher ħelu mal-Grupp ta’ Joseph Muscat qiegħed joħroġ għonqu għal Keith Schembri.
Il-Mument tkompli li l-argument bejn dawn iż-żewġ Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista kiber tant li l-istorbju saħansitra nstema’ minn uffiċċji oħrajn fl-istess sular tal-binja tal-Parlament.
Sorsi li b’mod kunfidenzjali tkellmu ma’ il-mument wara li kienu assistew għal ħafna mid-diskors li ngħad, qalu li kien hemm min argumenta li issa ż-żejjed hu kollu żejjed u ma jistax ikun li Keith Schembri jibqa’ jaħtaf kollox.
It-tweġiba minn terzi qrib Chris Cardona kienet li Chris Fearne jrid jaqdef ħafna aktar biex jilħaq il-mira tiegħu għaliex l-isforzi kollha ta’ Kastilja – inklużi dawk ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri nnifsu – huma għalkollox wara l-Ministru Konrad Mizzi li wkoll għandu dellu tqil ħafna u għad għandu ħafna xi jwieġeb dwar għadd ġmielu ta’ akkużi.
Dan l-argument fil-binja tal-Parlament f’nofs din il-ġimgħa wera bl-aktar mod ċar kif il-Grupp Parlamentari Laburisrta hu mifrud dwar Keith Schembri. Jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat ma hux imċappas b’ċerti affarijiet, allura għandu jieħu l-passi kollha mistennija minnu biex idabbar ras Keith Schembri minn ma’ djulu għaliex id-dell tiegħu biss qed jagħmel ħafna ħsara kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Partit Laburista.
Hemm Membri Parlamentari Laburisti oħrajn li wkoll huma tal-istess fehma, iżda jippreferu li jew iżommu fommhom magħluq jew inkella jdoqqu d-diska favur tiegħu għaliex jafu li r-raġel kapaċi jagħmlilhom il-ħsara kemm fl-operat tal-Gvern kif ukoll fil-makna tal-Partit.
//= $special ?>