Futbol Sport

Hemm rabja kbira fil-plejers u x-xewqa hi li niksbu xi ħaġa kontra n-Norveġja – Ray Farrugia, kowċ nazzjonali Malti

(Ritratt: Martin Agius)

Stewart Said

“Għandna logħba diffiċli quddiemna imma hemm rabja kbira fil-plejers. Ix-xewqa tagħna hi li noħorġu b’xi ħaġa mil-logħba kontra n-Norveġja.” Kliem il-kowċ nazzjonali Ray Żażu Farrugia lejliet l-aħħar konfront mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew.

Wara t-telfa umiljanti tat-tim Malti kontra Spanja l-Ġimgħa, Farrugia kellu jaħdem biex jgħolli l-moral tat-tim, bil-kowċ Malti jgħid li l-fatt li se jilagħbu ftit jiem wara hi ħaġa pożittiva. “Ir-riżultat hu li hu, ma nistgħux noqogħdu ninħbew,” qal Farrugia b’aċċenn għall-konfront kontra Spanja. Malta lagħbet l-aħħar kontra n-Norveġja fil-5 ta’ Settembru f’Oslo, b’telfa ta’ 2-0. Farrugia ħares lejn dak il-konfront u qal li ż-żewġ gowls waslu minn daqqa ta’ ras wara throw-in u penalty.

Għal din il-logħba, Ray Farrugia kkonferma li se jibdel nofs tim biex ikun hemm plejers friski filwaqt li qal ukoll se jkun qed jilgħab bi tliet plejers b’moħħ offensiv. Għalhekk mhux eskluż li plejers bħal Jake Grech u Luke Gambin ikunu nklużi mill-bidu. Ritorn żgur se jkun dak tad-difensur Steve Borg li kien sospiż kontra Spanja filwaqt li Juan Corbalan jinsab imweġġa’.

Il-kuntratt ta’ Farrugia jiskadi x-xahar id-dieħel iżda l-kowċ nazzjonali saħaq li mhux qed jaħseb dwar il-futur tiegħu. Hu kien maħtur kowċ nazzjonali fil-bidu ta’ Mejju tas-sena l-oħra u ta rendikont lejn il-ħidma tiegħu. Jispikkaw it-tliet punti fil-UEFA Nations League u r-rebħa kontra l-Gżejjer Faroe f’Marzu li għadda.

“Ma tistax tagħmel mirakli. Ftakru, fil-bidu kont għidt li l-frott ta’ din il-ħidma se jibda jidher sentejn oħra. Iktar ma jilagħbu dawn iż-żgħażagħ iktar ikun hemm xaqq ta’ dawl għall-futur. Il-plejers ta’ esperjenza xorta kienu hemm imma xi darba trid tintroduċi ż-żgħażagħ. Batejna imma l-ewwel pass hu lest u min jiġi warajja se jsib biċċa mix-xogħol lesta,” qal il-kowċ nazzjonali.”

Ir-riżultat ta’ kontra Spanja reġa’ ħoloq diskussjoni fost id-diżappunt tad-dilettanti tal-futbol f’pajjiżna. Ray Farrugia tkellem dwar dan l-aspett fejn qal li “it-triq ‘l quddiem għall-futbol Malti hu li kulħadd jibqa’ flimkien. Jien tajt kollox minn qalbi. Hu faċli tikkritika imma ddejjaqni li meta l-affarijiet ikunu sejrin ħażin, mhux inkissru lil xulxin. Meta nkunu magħqudin, nistgħu nimxu ‘l quddiem.”

Preżenti wkoll il-midfielder ta’ Hibernians Dunstan Vella qal li ovvjament l-atmosfera fit-tim ma kinitx sabiħa wara t-telfa kontra Spanja u kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà tal-logħba. Hu saħaq li qed iħarsu lejn prestazzjoni pożittiva kontra n-Norveġja.

Vella kien wieħed mill-plejers li ġew introdotti mat-tim nazzjonali minn Ray Farrugia. Mistoqsi dwar il-fiduċja li ngħata, il-midfielder ta’ 23 sena qal li kollox jibda mill-ħidma li l-plejer jagħmel mal-klabb tiegħu li twassal biex ikun imsejjaħ.