Il-Prim Ministru Joseph Muscat kompla jiddefendi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Waqt laqgħa politika fil-każin Laburista tar-Rabat, Muscat għamel parti kbira mid-diskors tiegħu ta’ nofs siegħa jevita l-iktar suġġett jaħraq ta’ din il-ġimgħa u li ddomina d-diskussjoni politika fil-pajjiż.
Iżda meta wasal biex jitkellem dwar Keith Schembri, Joseph Muscat inħeba wara teknikalitajiet legali u ġġustifika l-fatt li Keith Schembri ma riedx iwieġeb mistoqsijiet dwar il-kumpanija 17 Black għaliex ma riedx li titħassar ix-xhieda li ta fl-inkjesta.
It-Tnejn li għadda, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru għamel minn kollox biex ma jitlax jixhed fil-kawża ta’ libell li fetaħ hu stess fil-konfront tad-Deputat Simon Busuttil.
Meta ra li ma kienx se jirnexxielu u li saħansitra seta’ jispiċċa arrestat, Keith Schembri, li akkost ta’ kollox ma riedx jixhed quddiem Qorti fil-miftuħ, spiċċa biex waqqa l-kawża li fetaħ hu stess.
Iżda għal Muscat, dan l-aġir hu ta’ wieħed li jrid li l-ġustizzja issir u mhux ta’ wieħed li qed jagħmel minn kollox biex ma jweġibx mistoqsijiet li issa ilhom is-snin u kulma jmur qed isiru iktar insistenti.
Dak li ġara din il-ġimgħa, li wassal biex is-Sibt, mijiet jinżlu fit-toroq tal-Belt Valletta biex jipprotestaw kontra l-korruzzjoni, ma kienx jimmerita’ iktar minn tliet minuti tad-diskors tal-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-inkjesta indipendenti li se tinvestiga l-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u jekk kienx hemm nuqqasijiet mill-Istat, kemm biex jipprevjeni dan l-assassinju, kif ukoll fl-investigazzjoni li saret wara.
Hu qal li wara diversi xhur ta’ negozjati mal-familja Caruana Galizia u l-avukati tagħha, intlaħaq qbil dwar il-kompożizzjoni tal-Bord li se jkun qed imexxi din l-inkjesta.
Il-Gvern ta’ Muscat kien għal diversi xhur irreżista sejħiet mill-familja Caruana Galizia u mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista sabiex tkun appuntanta din l-inkjesta.
Kien biss wara rapport tal-Kummissjoni Venezja li Muscat ma kellux triq oħra ħlief jappunta Bord, u dan ftit jiem biss qabel l-iskadenza li kienet tatu l-istess Kummissjoni.Iżda quddiem il-partitarji u s-segwaċi tiegħu, Muscat qal li dawn ix-xhur kienu turija li l-iStat irid li joħorġu l-fatti kollha.
//= $special ?>

