Internazzjonali

L-Iran: Khamenei jikkundanna l-protesti dwar iż-żidiet fil-prezz tal-petrol

Il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, għamilha ċara li qed jappoġġja ż-żieda fil-prezz tal-petrol li rriżultat f’mewġa ta’ protesti madwar il-pajjiż.

Dan waqt li l-Ayatollah ikkundanna ‘lill-vandali’ u ‘l-elementi rivoluzzjonarji’ għall-vjolenza li żbruffat f’numru ta’ bliet Iranjani. Tal-anqas persuna waħda kienet ikkonfermata mejta waqt il-konfronti bejn in-nies u l-pulizija, iżda diversi rapporti qegħdin jissuġġerixxu li l-ammont ta’ vittmi kapaċi jkun ogħla.

L-Uffiċjali Iranjani wissew li lesti jirreaġġixxu b’mod aktar qawwi f’każ li d-dimostranti jkomplu ‘bil-protesti illegali’. Id-dimostrazzjonijiet ta’ rabja popolari bdew nhar il-Ġimgħa wara li l-Gvern Iranjan ħabbar, kontra kull mistenni, li kien qed jintroduċi sistema ta’ rationing għall-petrol fost it-tneħħija tas-sussudji. Dan waqt li l-prezz tal-petrol spara ’l fuq b’50 fil-mija b’konsegwenza tad-deċiżjoni.

Il-miżuri huma l-aħħar sinjal li l-ekonomija tal-Iran tinsab taħt pressjoni wara li l-Istati Uniti imponiet mill-ġdid is-sanzjonijiet fuq il-pajjiż Iżlamiku. Intant, il-Gvern Iranjan qed jinsisti li ‘il-bidliet ( jiġifieri ż-żieda fil-prezz tal-petrol) se jirriżultaw f’aktar fondi biex jgħinu lill-foqra’. Fl-istess ħin, l-Ayatollah Khamenei uża kliem bħal ‘sabutaġġ’, ‘ħruq ta’ proprjetà’ u ‘abbużi kontra s-sigurtà’ fl-aħħar stqarrija dwar is-sitwazzjoni.

Wara l-kummenti mill-Ayatollah, grupp ta’ deputati fil-Parlament ta’ Tehran irtiraw mozzjoni bil-ħsieb li ż-żieda fil-prezz tal-petrol ma ssirx effettiva.

Sadanittant, it-Televiżjoni tal-Iran akkużat ‘lill-elementi tal-istampa ostili’ b’li qed jippruvaw jeżaġeraw il-livell tal-inkwiet fil-pajjiż.