Fil-jum li fih Keith Schembri waqqa’ l-libell li hu stess fetaħ kontra Simon Busuttil, il-Gvern tilef il-leġittimità tiegħu, għax b’din id-deċiżjoni Keith Schembri ammetta li huwa korrott u li ħasel il-flus u Joseph Muscat għażel li jerġa’ jiddefendih.
Għandna sitwazzjoni fejn Keith Schembri, l-id il-leminija tal-Prim Ministru Joseph Muscat, qed iġib ruħu ‘l fuq mil-liġi u b’poter assolut, tant li llum għandna Prim Ministru li la jrid, u jidher li lanqas jista’, jneħħih.
Din hija sitwazzjoni perikoluża f’demokrazija u inġusta għax il-maġġoranza taċ-ċittadini Maltin qed iħossuhom ċittadini tat-tieni klassi. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’Tas-Sliema.
Adrian Delia sellem lill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għas-sehem importanti tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni – kif rajna din il-ġimgħa meta fil-Qorti, Keith Schembri waqqa’ libell li hu stess għamel kontra Simon Busuttil. Id-decizjoni ta’ Keith Schembri kkonfermat kemm iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru għandu x’jaħbi. Adrian Delia qal li Joseph Muscat fil-passat ħa deċiżjoni fil-konfront ta’ membri fil-Kabinett iżda fil-konfront ta’ Keith Schembri qed jagħżel li jibqa’ jipproteġih u staqsa min qed jikkmanda jekk hux Joseph Muscat jew inkella Keith Schembri.
It-Tnejn li għadda, minflok għamel stqarrija ministerjali fil-Parlament, il-Prim Ministru tkellem fuq il-libelli li Adrian Delia waqqa’ fil-konfront tal-eredi tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Dr Delia qal li hu waqqa’ libelli kontra l-eredi ta’ Daphne għaliex f’sistema demokratika ħadd ma jibqa’ jfittex lill-eredi ta’ ġurnalista assassinata, għaliex dan ikun ifisser attakk fuq il-libertà tal-espressjoni u tad-demokrazija.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa Dunja Mijatovic kienet qalet lil Joseph Muscat biex iwaqqa’ l-libelli kontra t-tfal ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda b’mod arroganti qal li jridu jaċċettaw il-konklużjonijiet ta’ rapport li hu għadu qed iżomm maqful f’kexxun f’Kastilja. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kuljum jiltaqa’ ma’ negozjanti li jridu jinvestu u jagħmlu l-affarijiet b’mod onest, iżda qed isibu li grupp żgħir ta’ nies qed jirrenjaw u jagħmlu li jridu, għax warajhom hemm ċrieki ta’ poter immexxija minn Kastilja.
Huwa rrefera għal rapport tal-Bank Ċentrali li juri kif min hu sinjur qed isir iżjed sinjur filwaqt li oħrajn qegħdin jaqgħu lura. Adrian Delia qal li l-Gvern qed jagħti miljuni lil Steward iżda n-nies mhux qegħdin jaraw titjib fis-servizz, la makkinarju ġdid u lanqas kliniċi ġodda.
Filwaqt li mit-taxxi tan-nies qegħdin jieħdu €80 miljun, nefqu €34 miljun biex għamlu skola li minnha se jerġgħu jagħmlu l-profitt, u dan minflok investiment serju fi sptarijiet aħjar u kura aħjar għall-morda. Huwa staqsa fejn marru kważi €60 miljun li ngħataw lil Vitals, li xi ħadd ħarab bihom.
Adrian Delia rrefera għad-dimostrazzjoni kontra l-korruzzjoni li saret ilbieraħ fil-Belt Valletta u qal li l-korruzzjoni nawret l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u ġabithom għodda politika biex il-Gvern Laburista jikkonċentra l-poter f’ponn ristrett ta’ nies. Arroganza tal-Gvern li jaħseb li huwa ‘l fuq mil-liġi u jaħseb li l-Qorti u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huma biss estensjoni tal-poter tiegħu.
Aħna konna l-partit li ssilitna għad-demokrazija u ma nistgħu qatt naċċettaw li jkun hawn min ireġġa’ l-arloġġ lura għal pajjiż fejn tibża titkellem, jew tibża tieqaf quddiem dak li hu ħazin, u għalhekk se nkunu qegħdin nuru kif f’pajjżna jista’ jinħoloq il-ġid, li minnu jgawdi kulħadd, minghajr il-korruzzjoni.
//= $special ?>