“Il-Kottonera f’Qalbna” hi l-għajta tas-Sengleani u l-poplu tal-Kottonera fit-tieni protesta f’temp ta’ 3 ġimgħat kontra l-iżvilupp mostruż propost mill-Ġordaniżi tal-Grupp Sadeen ta’ dormitorju fid-daħla tal-Isla.
Minkejja l-oġġezzjoni tal-Pulizija li l-protesta tal-Ħadd filgħodu ssir fis-sit tal-proġett, hekk kif din l-art li kienet pubblika diġà saret propjetà tal-iżviluppaturi Ġordaniżi wara ftehim sigriet mal-Gvern Laburista, il-protesta nżammet fil-Maċina tal-Isla u ttellgħet mill-NGO “Tuna Artna Lura” u l-Moviment Graffiti.
Spikkat il-preżenza ta’ bosta esponenti Laburisti, fosthom id-deputat Glenn Beddingfield, il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Cyrus Engerer, iċ-Ċermen ta’ One Television, Jason Micallef u Yana Mintoff Bland, bint l-eks Prim Ministru, il-Perit Dom Mintoff, li kienu qegħdin jipprotestaw mal-poplu tal-Kottonera kontra l-mod sigriet kif il-Gvern għadda din l-art u kontra l-iżvilupp ta’ dormitorju quddiem is-swar tal-Isla.
It-tabib Joseph Tonna, mexxej tal-NGO mwaqqfa, fisser kif qed iwasslu l-għadab tas-Sengleani fin-nuqqas tal-Kunsilli Lokali tal-Kottonera li ma jidhru mkien:
“Jekk il-popli tal-Isla u tal-Kottonera juri din il-ħeġġa u r-rabja għal li qed jiġri, nistgħu nkun l-vuċi tal-poplu mingħajr il-Kunsilli Lokali. Jiena qatt ma ftaħt ħalqi f’xejn imma nħoss li għandi nkun il-vuċi tal-poplu. Ma nistax inħalli dawn l-affarijiet isiru. B’din il-folla nimtela’ b’aktar kuraġġ. Qalbna tweġġa b’dawn l-affarijiet. Faċċata għandna l-Monument tal-Ħelsien meta ħlisna mill-Ingliżi fl-1979. Erbgħin sena wara, għaliex ħlisna mill-Ingliżi, hawnhekk se jitla’ l-ħajt tal-Ġordan. Tletin sena ilu waqa’ l-ħajt ta’ Berlin u hawn se jitla’ l-ħajt tal-Ġordan. Inaċċettabbli. Għalija personali hija inaċċettabbli. And I will do what it takes!”
Il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, saħaq kif din l-art mogħtija mil-Gvern Laburista lill-Ġordaniżi ta’ Sadeen Group b’mod sigriet minn wara dahar il-Maltin u l-Għawdxin teħtieġ tibqa’ spazju miftuħ għat-tgawdija tas-Sengleani u l-Maltin:
“Dan huwa spazju miftuħ u għandu jibqa’ spazju miftuħ u aċċessibli għall-pubbliku. Hawnhekk l-art ittieħdet minn Sadeen diġà u jridu jagħmlu proġett, li aħna ma naqblux miegħu. Anzi, aħna rridu li l-art tirritorna għand il-pubbliku.”
Il-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Isla, Malcolm Gatt, kien fost is-Sengleani f’din it-tieni protesta u mill-ġdid tħalla waħdu hekk kif is-Sindku u l-kunsilliera Laburisti fil-Kunsill ma dehru mkien:
“In-nies tal-Isla qed iħossuhom misruqa b’din l-art. Din l-art ingħatat minn wara dahar in-nies tal-Isla. U n-nies tal-Isla ma jridux li din l-art tittieħed a skapitu ta’ proġett milli jidher huwa fallut. Qegħdin hawnhekk biex nipprotestaw biex il-proġett ma jsirx.”
Mario Gauci, resident Senglean, wera r-rabja tar-residenti tal-Kottonera għal dan l-iżvilupp massiċċ:
“Hawnhekk irridu naraw li jkollna aktar spazji miftuħa. Kif qed taraw li l-Isla hija magħluqa. Il-ftit spazji miftuħa li għandna rridu nużawh. Appart li se jsir ir-restawr tas-swar, jekk ħa ttela’ l-bini, dak ħa tagħlqu.”
Fil-protesta tkellem ukoll Dione Caruana minn Bormla li qal kif il-proġett tal-Ġordaniżi se jkerrah l-estetika tal-post u joffendi l-patrimonju arkitettoniku ta’ pajjiżna.
Sadeen qed jinjoraw għal kollox dawn il-protesti hekk kif 3 ijiem qabel ma terġa’ titlaqqa’ l-Awtorità tal-Ippjanar dwar dan il-proġett, u minkejja li l-membri tal-bord indikaw li se jivvutaw kontra, il-Ġordaniżi għadhom ma resqu l-ebda emendi għall-pjanti.
//= $special ?>