Il-Konservattivi tal-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qalu li għandhom itemmu t-trattament preferenzjali għall-immigranti mill-Unjoni Ewropea sa minn Jannar tal-2021 – dejjem f’każ li t-Tories jirbħu l-elezzjoni ġenerali tax-xahar id-dieħel fir-Renju Unit.
Il-livell tal-immigrazzjoni u t-tħassib dwar il-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi kienu xprunaw il-vot popolari, fir-referendum tal-2016, biex ir-Renju Unit ma jiffurmax aktar parti mill-UE.
Meta r-Renju Unit qed iħejji għall-elezzjoni tat-12 ta’ Diċembru, il-Konservattivi, fi tmiem il-ġimgħa, fasslu d-dettalji tal-politika għall-immigrazzjoni ‘ta’ wara l-Brexit’ – fejn spjegaw li n-nazzjonali tal-UE fil-pajjiż ikunu jridu jistennew (tipikament) għal ħames snin qabel jikkwalifikaw għall-pagamenti tas-sigurtà soċjali. Dan meta, attwalment, iż-żmien għan-nazzjonali Ewropej fir-Renju Unit ma jaqbiżx it-tliet xhur.
Boris Johnson, fi stqarrija, qal li ‘waqt li r-Renju Unit qed iħejji għall-Brexit, feġġet din l-opportunità ġdida għal proċess xieraq biex jaċċerta li dawk (l-immigranti) kollha li jaslu fil-pajjiż ikunu trattati l-istess.’
Il-Konservattivi anki beħsiebhom biex, mis-sena d-dieħla, iżidu s-surcharge tas-saħħa internazzjonali li qed iħallsu l-immigranti għall-benefiċċji tas-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali fir-Renju Unit, minn 400 għal 625 Sterlina – biż-żieda se tkun estiża għall-ħaddiema barranin kollha fil-pajjiż.
Il-Partit Konservattiv sostna li dan għandu jinkludi lill-immigranti tal-UE ladarba jintemm il-moviment ħieles f’Jannar tal-2021 – b’dan il-pass mistenni jiġġenera ‘il fuq minn 500 miljun Sterlina fis-sena għar-Renju Unit.
Fl-istess ħin, il-Konservattivi qalu li l-maġġoranza assoluta tal-immigranti –irrispettivament minn fejn ikunu ġejjin – se jkunu jeħtieġu ‘offerta tax-xogħol’ biex huma jmorru jaħdmu fir-Renju Unit. L-eċċezzjonijiet, f’dan il-każ, jinkludu xjenzati b’kapaċità unika u individwi li jridu jibdew negozju fir-Renju Unit.
//= $special ?>