Internazzjonali

Repubblika Ċeka: Determinati li jżidu l-pressjoni fuq il-Prim Ministru Babis

Moviment popolari li qed iħares id-demokrazija u t-trasparenza fil-Gvern insista li se jkompli bil-protesti kontra l-Prim Ministru Ċek, Andrej Babis, li qiegħed jiffaċċja allegazzjonijiet ta’ frodi. Dan wara li ‘il fuq minn 200,000 dimostrant inġabru fi Praga għal protesta kontra l-Gvern f’lejliet it-30 anniversarju tar-rivoluzzjoni storika li kienet temmet il-ħakma tal-komunisti fl-eks Stat taċ-Ċekoslovakkja.

Id-dimostranti qed iżidu fis-sejħiet għar-riżenja ta’ Babis fost allegazzjonijiet li hu kien qed juża s-sussidji tal-Unjoni Ewropea għan-negozju privat tiegħu. Babis qiegħed jiċħad l-allegazzjonijiet, iżda l-kapijiet tal-moviment bl-isem Assoċjazzjoni tal-Miljun Mument għal Demokrazija, issa, ħarġulu ultimatum – fejn qed jinsistu biex Babis ‘jaċċetta d-domandi tagħhom’, inkella huma jżidu l-livell tal-protesti li għandhom isiru ‘aktar kreattivi’.

Id-dimostrazzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa kontra l-Gvern saret fil-Park ta’ Letna li kien anki s-sit tal-akbar rallies ta’ Novembru tal-1989, lejn l-aħħar tal-era komunista fl-Ewropa. Dan waqt li n-nies ingħaqdu f’għajta ta’ ‘Aħna ninsabu hawn’, bħala eku tas-slogan tal-protesta ta’ 30 sena ilu.

Minbarra li hu Prim Ministru Ċek, Andrej Babis hu l-fundatur biljunarju ta’ negozju bl-isem Agrofert – f’dan il-każ grupp ta’ kumpaniji bbażat fi Praga.Intant, l-Assoċjazzjoni tal-Miljun Mument għal Demokrazija qed tinsisti biex Babis jirriżenja sal-aħħar tas-sena inkella jaqta’ kull irbit man-negozju.

Il-kelliema waqt ir-rally ta’ tmiem il-ġimgħa anki sejħu għar-riżenja tal-President Ċek Milos Zeman u insistew li ‘it-taqbida għall-ħelsien u d-demokrazija mgħandhiex tmiem’. Min-naħa tiegħu,Milos Zeman ikkundanna l-protesti bħala ‘anti-demokratiċi’.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Babis, li l-Partit ANO tiegħu, skont l-aħħar stħarriġ, għadu l-akbar partit fir-Repubblika Ċeka ,‘ma jistax jifhem’ il-punt tal-protesti kontra tiegħu.