Internazzjonali

Sri Lanka: L-Eks Kap tad-Difiża jirbaħ il-Presidenza

Gotabaya Rajapaksa, li kien responsabbli mid-Difiża matul il-gwerra ċivili ta’ snin ilu fis-Sri Lanka, rebaħ il-Presidenza ta’ pajjiżu, wara elezzjoni li qasmet lill-pajjiż fuq linji etniċi. Ir-riżultati uffiċjali kkonfermaw li Rajapaksa rebaħ 52.25 fil-mija tal-vot, bir-rivali dirett tiegħu, Sajith Premadasa, jammetti t-telfa.

Rajapaksa kiseb rebħiet konvinċenti fiz-zoni tas-Sri Lanka fejn il-maġġoranza tar-residenti jiffurmaw il-komunità tas-Sinaliżi. Mill-banda l-oħra, ir-rivali tiegħu, Premadasa, mar l-aħjar fir-reġjuni Srilankani tat-Tramuntana, iddominati mit-Tamili.

Din l-elezzjoni kienet anki sinifikanti bħala l-ewwel eżerċizzju demokratiku fuq skala hekk kbira mindu s-Sri Lanka sofriet l-attakki terroristiċi storiċi ta’ Ħadd il-Għid (f’April) – meta militanti assoċjati mal-ISIS tajjru l-isplussivi f’numru ta’ knejjes u lukandi bir-riżultat li nqatlu ‘il fuq minn 250 persuna.

Sadanittant, Rajapaksa – li għada jieħu l-ġurament bħala l-President tas-Sri Lanka – qed isejjaħ għall-għaqda nazzjonali. U waqt li xi minoranzi fis-Sri Lanka jqisu lill-President ġdid bħala bniedem diviżiv, Rajapaksa qed jinsisti li ‘iċ-ċittadini kollha huma parti mill-vjaġġ li jrid jagħmel pajjiżhom fis-snin li ġejjin’.