Tliet żgħażagħ ġew arrestati b’rabta ma’ sejba droga kannabis u kokaina wara ħidma mill-Iskwadra tal-RIU.
Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu waqt ronda li kienet qed issir f’San Ġiljan – fejn ġew innotati tnejn mis-suspettati wieħed ta’ 21 u l-iehor ta’ 26 sena, it-tnejn minn Ħal Qormi.
Minn tfittxija li saret fuq is-suspettati kif ukoll ġewwa vettura instab bott li kellu fih d-droga kannabis kif ukoll madwar €1,300 fi flus kontanti fuq wieħed minnhom.

Dan kollu filwaqt li waqt tfittxija li saret f’residenza ta’ wieħed minnhom instab basket li fih kellu erba’ boroż b’sustanza suspettata li hija droga ħaxixa kif ukoll żewġ boroż oħra allegatament kokaina.
B’rabta ma’ dan il-każ ġie arrestat ukoll Żebbuġi ta’ 27 sena.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech li fetħet inkjesta maġisterjali kif ukoll ħatret diversi esperti sabiex jgħinuha fl-investigazzjoni.



