Lokali

Vuċi waħda kontra l-korruzzjoni

Irridu nkunu magħqudin kontra l-korruzzjoni

– Robert Arrigo

Irridu nkunu magħqudin kontra l-korruzzjoni. Anki jekk ma naqblux f’kollox, irid ikollna għan wieħed, strateġija waħda. Ma nistgħux nibqgħu ngergru biss. Is-saħħa tal-vot hi l-aktar importanti għax jekk nibqgħu bierda u ma nivvutawx fejn aħna se nibqgħu.

Hemm min ivvota Labour fl-aħħar elezzjoni u qed jinduna li m’għamilx sew għax qarrqu bih. Illum kulħadd qed jintebaħ li l-partit ta’ Muscat mhuwiex b’saħħtu daqshekk jipprova jagħti l-impressjoni li hu.

Jekk nibqgħu magħqudin u kulħadd joħroġ jivvota kontra l-korruzzjoni, nistgħu nirbħuha l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Rebħa żgħira favur is-sewwa

– Karol Aquilina

Din il-ġimgħa ma kinetx waħda normali. Il-‘Prim Ministru’ Keith Schembri għamilha ta’ beżżiegħ quddiem il-Qorti u kellu jċedi libell li għamel hu stess.

Iva, din il-ġimgħa għamilna rebħa żgħira favur is-sewwa, iżda waħda sinifikanti. Keith Schembri beża’ jixhed dwar il-€5,000 kuljum f’korruzzjoni deħlin kuljum mingħand kumpaniji sigrieti, għax għandu l-faħam miblul. Liema persuna onesta ma tkunx ħerqana li tixhed il-verità jekk il-verità tkun favuriha?

Hu għalhekk li n-nies wieġbu għas-sejħa tal-protesta s-Sibt. Imxejna spalla ma’ spalla u wassalna l-messaġġ li l-korruzzjoni mhix aċċettabbli f’pajjiżna. Aħna konvinti li l-korruzzjoni qed ixxekkel il-mixja ’l quddiem ta’ pajjiżna.

Is-sewwa għad jerġa’ jirbaħ

– Karl Gouder

Jekk nibqgħu naħdmu biex jirbaħ is-sewwa, jien konvint li xi darba min ġej warajna jgħidilna grazzi bħalma aħna llum ngħidu grazzi lil dawk ta’ qabilna li fis-snin diffiċli tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet ma qatgħux qalbhom u ġġieldu favur il-libertà u d-demokrazija.

Illum dawn il-valuri jerġgħu jinsabu mhedda u aħna llum jeħtieġ li jkollna l-grinta li kellhom ta’ qabilna biex bħalma għamlu huma, naslu. M’għandniex il-ħsieb li nwaqqfu l-iżvilupp, imma dan jeħtieġ li jsir bi pjan u min jaqla’ l-flus jagħmel dan bl-onestà u mhux bil-korruzzjoni, li minnha jgawdu l-ftit.

Aħna dejjem emmina li s-sewwa jirbaħ żgur u m’għandix dubju li hekk jerġa’ jiġri.