Ewropa Lokali

Adrian Delia ppreżentat b’rapport dwar l-immigrazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

“Il-ħidma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija importanti ħafna sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom serħan tal-moħħ kif qegħdin jintefqu l-fondi Ewropej li jiġu allokati u biex l-Unjoni Ewropea tkun eqreb lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri.”

Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta ltaqa’ mal-membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ECA) Leo Brincat waqt laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Matul din il-laqgħa, Adrian Delia ġie ppreżentat b’kopja tar-rapport tal-ECA bit-titlu A Special Report (Audit) on Migration Management and Hot Spots.

Dan ir-rapport kien ippubblikat fil-jiem li għaddew u jagħti ħarsa estensiva wkoll lejn hot spots li jinsabu fl-Italja u l-Greċja. Il-Kummissjoni Ewropea aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet kollha li tressqu mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri f’dan ir-rapport. Il-Kap tal-PN qal li l-immigrazzjoni huwa suġġett li huwa l-iżjed diskuss u ta’ tħassib fost il-Maltin u l-Għawdxin, kif jixhdu rapporti tal-Ewrobarometru u oħrajn ippubblikati fil-midja.

Huwa qal li rapporti bħalma huma tal-ECA huma importanti u li jgħinu biex issir diskussjoni, mhux biss dwar il-ħarsien tal-perferija u l-fruntieri Ewropej imma wkoll fil-kuntest tal-investiment li għandu jsir u r-riżorsi li għandhom jiġu allokati. L-immigrazzjoni hija sfida li se tibqa’ tikber fis-snin li ġejjin hekk kif fatturi oħrajn fosthom il-bidla fil-klima se twassal għal żieda fl-immigrazzjoni, għalhekk jeħtieġ li l-Ewropa jkollha pjan fit-tul kif se tindirizza din l-isfida.

Adrian Delia qal li jeħtieġ investimenti mill-pajjiżi Ewropej fil-pajjiżi tal-oriġini, speċjalment fl-Afrika, għat-tisħiħ tal-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi li jgħin biex jonqos il-ħtieġa li l-persuni jemigraw lejn pajjiżi oħrajn. Il-ħtieġa li jiġu indirizzati fatturi esterni u għajnuniet sabiex jinbnew l-ekomomiji tal-pajjiżi tal-oriġini kienet waħda mill-ħames rakkomandazzjonijiet dwar l-immigrazzjoni li Adrian Delia kien ressaq lill-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Joseph Daul f’ittra f’Settembru li għadda, liema rakkomandazzjonijiet ġew diskussi waqt is-summit tal-PPE fi Brussell fil-ġimgħat li għaddew.

Leo Brincat spjega l-ħidma li ssir mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fejn isiru medja ta’ 40 rapport annwali fuq suġġetti fejn huma involuti fondi Ewropej. Huwa qal li fil-preżent, l-immigrazzjoni huwa suġġett importanti li qed jiġi ferm diskuss fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. L-ECA ħadem fuq rapporti oħra f’dan ir-rigward kemm fuq il-FRONTEX kif ukoll fuq il-Politika tar-Ritorn.

Leo Brincat qal li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha relazzjoni eċċellenti mal-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali f’Malta (NAO), kif ukoll mal-Kummissjoni Ewropea, fejn matul dawn l-aħħar tliet snin ġew implimentati 75% tar-rakkomandazzjonijiet li tressqu mill-ECA.

Matul din il-laqgħa, l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli filwaqt li l-membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Leo Brincat kien akkumpanjat miċ-Chief of Cabinet Romuald Kayibanda.