Lokali Unjoni Ewropea

Dubji dwar il-pakkett finanzjarju għal Malta

Il-Gvern għadu ma jridx jikkommetti ruħu biex jgħid kemm hu l-pakkett il-ġdid ta’ fondi Ewropej li qed jinnegozja għas-7 snin li ġejjin. Dan hekk kif il-pakkett attwali ta’ 1.2 biljun ewro jispicca s-sena d-dieħla – fondi li kienu inkisbu grazzi għall-impenn qawwi ta’ Gvern Nazzjonalista, immexxi mill-PM Lawrence Gonzi.

Iżda jidher illi l-proċess ta’ negozjati li kellu jintemm din is-sena ħa daqqa lura mhux ħażin, tant illi t-taħdidiet li qed isiru bejn il-Gvern Malti u l-UE mhux mistennija jiġu konklużi qabel it-tieni nofs tas-sena d-dieħla.

Mistoqsi minn Net News, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej, Aaron Farrugia, ma tax dettalji dwar l-ammont ta’ flus li l-Gvern se jkun qed iġib mill-UE.

Il-flus tal-UE kienu kruċajli fis-7 snin li għaddew biex inbnew toroq ġodda, sar investiment qawwi fil-qasam tas-saħħa, fl-iskejjel, u proġetti oħra infrastrutturali…inkluż restawr u investiment qawwi fil-gżira Għawdxija. Mill-flus tal-UE gawdew ukoll bosta Kunsilli Lokali u studenti li ħadu sehem fi programmi edukattivi kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.