Internazzjonali

Franza: Tifla titlef ħajjitha wara li jikkrolla pont

Numru ta’ nies kienu rappurtati nieqsa fi Franza wara li ċeda pont, lejn it-tramuntana tal-belt ta’ Toulouse, bir-riżultat li tilfet ħajjitha tifla ta’ 15-il sena.

L-aħħar rapporti rreferew għall-isforzi tas-servizzi ta’ emerġenza fiz-zona tal-pont li kien jgħaqqad l-ibliet ta’ Mirepoix-sur-Tarn u Bessieres. Fil-ħin tal-kroll, numru ta’ vetturi li kienu qegħdin jaqsmu mill-inħawi spiċċaw fix-Xmara Tarn.

Il-katavru tat-tifla ttella aktar tard min-nies li nġabru fl-inħawi biex jagħtu l-ewwel għajnuna bir-rapporti jgħidu li l-omm tat-tifla kienet fost il-persuni salvati mix-xmara.

Fl-aħħar sigħat, is-servizzi tas-salvataġġ, fosthom għaddasa u għexieren ta’ pulizija, kienu qed ifittxu għas-sewwieqa ta’ vetturi li ma dehrux aktar wara l-inċident.