Sport

Ikunu magħrufa s-semifinalisti tal-klassi Premier

L-aktar erba’ tiġrijiet mistennija waqt il-55 laqgħa tal-istaġun li saret il-bieraħ wara nofsinhar fil-Marsa kienu heats mill-kampjonat Prix Ile De France għal żwiemel Franċiżi tal-klassi Premier fuq distanza twila ta’ 2640m. Dan il-programm kien fuq disa’ tiġrijiet kollha għal żwiemel tat-trott. 

Mill-erba’ heats tal-klassi Premier, 24 żiemel suppost li kellhom jgħaddu għas-semifinali. Fl-ewwel waħda, Axel Tilly (Charles Camilleri), li kien għal ħafna ħin quddiem, ċeda kollox f’nofs id-dritta finali meta nqabeż mill-gdid Avrik De Guez (Carmelo Farrugia) u Theo d’Erah (Carl Caruana). 

Iż-żiemel ta’ Farrugia safa skwalifikat minħabba intereferenza fl-aħħar 200 metru biex ir-rebħa ħadha dak ta’ Caruana. Axel Tilly kellu jikkuntenta bit-tieni post mid-debuttant Vez De Voirons (Clint Vassallo) u Ultimate Love (Paul Galea). 

Debuttant ieħor, Ultimo Du Douet (Daniel Hili) temm fil-ħames pożizzjoni. Ta’ min jinnota li l-kumplament taż-żwiemel ġew kollha skwalifikati u għalhekk is-sitt pożizzjoni ma ngħatatx.  Għal Theo d’Erah din kienet l-ewwel rebħa f’Malta. 

Fit-tieni heat mill-istess kampjonat, id-debuttant ta’ Charles Camilleri, Vertiginous kien kontinwament quddiem. Hu ħa l-ewwel rebħa fi xtutna bi ftit minn Up And Go (Noel Baldacchino), Barrio Josselyn (Anton Cassar) u Vakato (Chris Grech). Il-ġdid Verdi De Tillard (Emmanuel Fenech) u Aufor De Mire (Johan Axisa) għaddew ukoll għall-fażi li jmiss meta daħlu warajhom f’dik l-ordni. 

Noel Baldacchino poġġa lil Vichenko Chef quddiem 300m mit-tmiem tat-tielet heat Premier. B’hekk dan il-Franċiż ħa l-ewwel rebħa f’Malta b’żewġ tulijiet minn Vitinou (David Attard) u Un Amour Du Pont (Andrew Farrugia). Clara Du Bocage (Melvin Farrugia), Utelo De Carentone (George Attard) u Urgos Du Cedre (Jean Paul Polidano) temmew fir-raba’ il-ħames u s-sitt post rispettivament. 

Fir-raba’ u l-aħħar heat mill-istess kompetizzjoni, Ulysse Du Bouchet (Paul Galea) ma sab ebda tbatija biex jieħu r-raba’ rebħa staġjonali. Dan kien kontinwament quddiem u rnexxilu jirbaħ faċilment b’vantaġġ ta’ żewġ tulijiet u nofs minn Amigo Turgot (Salvu Vella), Tsunami (Carmelo Farrugia) u Alf De Melandre (Rodney Gatt). Il-ġdid Vicomte d’Havane (Kurt Saliba) u Anakit Du Tay (Redent Magro) kienu l-aħħar żwiemel li għamluha għall-fażi li jmiss.