Cristiano Ronaldo skorja d-99 gowl tiegħu bil-flokk tal-Portugall u għen lill-pajjiżu jikkwalifika għall-fażi finali tal-Euro 2020. Ronaldo kien qed jittama li jgħaqqad il-100 kontra l-Lussemburgu iżda se jkollu jistenna biex jagħmel dan.
Il-Portugall kellhom punt vantaġġ fuq is-Serbja qabel il-logħbiet tal-bieraħ u għalhekk riedu bilfors ir-rebħa biex jaċċertaw mill-kwalifikazzjoni. Il-Portugiżi marru minn fuq ftit qabel l-intervall permezz ta’ Bruno Fernandez u tliet minuti m inn tmiem il-logħba kien Cristiano Ronaldo li ssiġilla r-rebħa bit-tieni gowl.
Minn naħa tagħhom is-Serbja setgħu jiksbu biss punt fi draw ta’ 2-2 kontra l-Ukrajna li kienu diġa’ kwalifikati. Tadic minn penalty poġġa lis-Serbja fil-vantaġġ wara disa’ minuti iżda Yaremchuk kiseb id-draw fit-32 minuta. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Mitrovic reġa’ ta vantaġġ lis-Serbi, bl-Ukrajna ssalva l-logħba fit-93 minuta b’gowl tas-sostitut Besiedin.
L-Ingilterra kisbet rebħa faċli oħra din id-darba fi Pristina kontra l-Kosovo 4-0. Harry Winks ta vantaġġ lill-Ingilterra fl-ewwel taqsima, bit-tim ta’ Southgate jiskorja tliet gowls oħra fl-aħħar għaxar minuti tal-logħba.
Kien is-solitu Harry Kane li għamilhom 2-0 fid-79 minuta biex ftit wara Rashford skorja t-tielet gowl. Ir-raba’ u l-aħħar gowl wasal fil-ħin miżjud permezz ta’ Mount.
F’logħba oħra mill-istess Grupp il-Bulgarija kisbet l-ewwel rebħa tagħha meta għelbet lir-Repubblika Ċeka 1-0 b’gowl ta’ Bozhikov fis-56 minuta.
It-tliet logħbiet minn Grupp H kienu mingħajr interess peress li Franza u t-Turkija huma diġa’ kkwalifikati mill-grupp. Franza rebħet 2-0 fl-Albanija b’gowls skorjati fl-ewwel taqsima minn Tolisso u Griezmann.
L-istess riżultat kisbet it-Turkija barra minn darha kontra Andorra. Għat-Torok doppjetta ta’ Unal, it-tieni wieħed minn penalty, fl-ewwel għoxrin minuta tal-logħba. Fil-logħba l-oħra rebħa ta’ 2-1 tal-Iżlanda barra minn darhom kontra l-Moldova, bilgowl rebbieħ skorjat minn Sigurdsson fil-65 minuta, bl-istess plejer jfalli wkoll penalty ftit wara.
//= $special ?>