Anki l-eks Deputat Laburista Għawdxi Lino Debono ħareġ qatta’ bla ħabel kontra l-permess li ingħata għall-iżvilupp ta’ villa bil-pool fil-Qala – permess skandaluż li għadu qed jirrabja lin-nies.
Lino Debono kien elett għall-ewwel darba bħala membru Laburista fil-Parlament fl-1981. Kien ukoll eks Chairman tal-Gozo Channel.
Fit-Talking Point tat-Times, Lino Debono jisħaq illi jekk il-Partit Laburista ma jieħux azzjoni immedjata biex ma tibqax tinqered il-kampanja Maltija u l-qalba tal-villaġġi u l-irħula tagħna l-Gvern se jispiċċa jħallas qares.
Huwa kompla billi qal li l-Awtorità tal-Ippjanar u l-awtoritajiet tal-ambjent, li suppost qed jipproteġu lin-nies, qed ifallu.
L-eks deputat Laburista qal li f’isem in-nies kollha li avviċinawh, qiegħed jipprotesta bl-iktar mod qawwi kontra din il-mostrożità. Lino Debono sostna li huwa tal-mistħija għal dawk kollha f’karigi ta’ awtorità li, irrispettivament minn liema naħa tal-isfera politika jkunu ġejjin, approvaw dan il-permess.
Fl-artiklu tiegħu, Lino Debono jagħmel allegazzjonijiet serji dwar kuntratturi f’Għawdex illi krew sular lill-Ministeru ta’ Għawdex għal €186,000 fis-sena u f’daqqa waħda, sabu fondi biżżejjed biex jibnu progetti f’San Ġiljan u tant bini ieħor. Huwa kompla billi qal li għal xi wħud dan jaf deher bħala miraklu – madankollu, nies li jgħixu f’din id-dinja ma jarawx l-affarjiet hekk.
Lino Debono tenna li bla riservi ta’ xejn huwa qiegħed jappoġġja l-oġġezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Qala u ta’ dawk kollha li huma kontra dan il-permess. Hu insista li l-permess għandu jiġi mħassar minnufih.
Fost dawk li vvutaw kontra dan l-iżvilupp kien hemm id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli. Minn naħa l-oħra, id-deputat Clayton Bartolo kien ivvota favur dan l-isfreġju u sab anke id-difiża tal-PM innifsu, li ġab l-iskuża li l-vot sar skont il-Policy Rurali; meta dan mhux il-każ.
//= $special ?>