Lokali

In-nisa jaqilgħu 12 fil-mija inqas mill-irġiel

F’Malta n-nisa jaqilgħu 12 fil-mija inqas mill-irġel – diskrepanza li qed tiżdied gradwalemnt hekk kif il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol kulma jmur qiegħda dejjem tiber.

Saħqet dan Renee Laiviera, il-Kummissarju għall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, l-NCPE, waqt seminar li tratta t-tema tad-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irgiel.

L-isterjotipi tas-sess, in-nuqqas ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u d-diskriminazzjoni fil-pagi kollha jsaħħu d-diskrepanza fil-pagi abbażi tal-ġeneru. Eventwalment dan kollu jwassal ukoll għad-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel.

L-indipendenza ekonomika ugwali hija meħtieġa mhux biss biex l-individwi jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom iżda wkoll sabiex in-nisa u l-irġiel ikollhom kontroll aħjar fuq ħajjithom u jagħmlu għażliet aktar għaqlin. Minkejja li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol żdiedet, in-nisa in ġenerali huma ferm inqas indipendenti ekonomikament mill-irġiel.

Waqt dan is-seminar, diversi akkademiċi u stakeholders iddiskutew il-korrelazzjoni bejn l-għażliet edukattivi u d-differenza fil-pagi bejn in-nies u l-irġiel u l-fatturi li l-istudenti jikkunsidraw meta jagħmlu l-għażliet tas-suġġetti tagħhom kif ukoll kif dawn l-għażliet jolqtu l-karrieri tagħhom.

Dan filwaqt li rappreżentanti tat-trejd unions, tal-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem u esperti akkademiċi ddiskutew il-konsegwenzi tad-diskrepanzi fil-pagi u l-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel u kif dawn jistgħu jiġu indirizzati

Min-naħa tagħha Joana Micallef, Promutur tal-Proġett mal-NCPE, irrimarkat li n-nisa jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali aktar mill-irġiel u dan ir-riskju jiżdied skont l-età.Preżenti għal dan is-seminar kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, Libertajiet Ċivili u Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg.