Sport Sport Ieħor

Isiru l-kampjonati nazzjonali u l-festival tad-Dragons tal-Judo

Il-Federazzjoni Maltija tal-Judo organizzat il-kampjonati nazzjonali u l-festival tad-Dragons fid-Dojo Nazzjonali f’Pembroke. Din is-sena kienet waħda speċjali għall-Federazzjoni hekk kif qed tiċċelebra l-50 sena mit-twaqqif tagħha.

Fil-kategorija tal-kbar, il-judoka elite Jeremy Saywell u Isaac Bezzina rebħu l-kategoriji rispettivi. Katryna Esposito ma kinitx ikkontestata fil-kategorija tagħha ta’ 48 kilo u kkontestat b’suċċess fit-52 kilo. Nikola Zvicer rebaħ il-kategoriji tal-Kadetti u tal-Juniors, b’Nikola Jancic u Gianluca Mizzi jtemmu t-tieni rispettivament.

Titjib sinifikanti sar fil-kategorija Espoir għal dawk bejn it-12 u l-14-il sena. Dan it-titjib sar wara sessjonijiet nazzjonali speċjalizzati taħt il-kordinazzjoni tal-kowċ Denis Braidotti, bis-superviżjoni tad-Direttur taż-Żgħażagħ Joseph Castillo.

Spikkaw l-istudenti l-ġodda tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport jiġifieri Oscar Newling Ward u Sephora Pawley, kważi rebħu l-logħbiet tagħhom. Kris Samuel Bartolo wera s-superjorità fil-kategorija tiegħu hekk kif rebaħ l-erba’ logħbiet tiegħu b’Ippon. Dan kien l-aħħar titlu tiegħu fil-kategorija hekk kif is-sena d-dieħla jikkompeti fil-kategorija tal-Cadet. Judokas oħra li spikkaw kienu Alexander Trevisan, Khalef Sadek u Jordanoski Gorjan.

Preżentat AED lill-Federazzjoni Maltija

Inizjattiva tajba mill-Malta Judo Federation kienet li saru laqgħat dwar is-saħħa tal-atleti. Ingħataw dimostrazzjonijiet dwar l-użu tal-AED għaż-żgħażagħ tal-judo fuq it-tapit kif ukoll għall-ġenituri. Dan kien segwit minn taħriġ f’Check Call Compress għal dawk preżenti.

Fi tmiem l-avveniment, il-Viċi President tal-Malta Resuscitation Council Tanya Esposito ppreżentat AED b’donazzjoni lill-President tal-Federazzjoni Envic Galea. Ir-raġuni għal din id-donazzjoni hi biex waqt li jkunu għaddejjin is-sessjonijiet, ikun hemm preżenza ta’ xi ħadd b’tagħrif ta’ CPR u b’aċċess ta’ AED.

L-avveniment ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ tal-volunitera kollha, fosthom Ivan Esposito, Alexis Milne, Angela Castillo, John Zammit u t-timijiet tagħhom.

Tags