Futbol Sport

It-tim Malti jirreaġixxi b’wirja kuraġġuża iżda megħlub b’gowl fl-aħjar mument

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Rapport: Stewart Said

MALTA………………………. 1

H. Bonello, J. Mbong, S. Borg (F. Apap 75’), A. Agius, Z. Muscat, J. Zerafa, D. Vella (A. Effiong 60’), P. Fenech, R. Muscat (N. Muscat 70’), K. Nwoko, M. Mifsud

NORVEĠJA………………… 2

O. Nyland, J. Svensson (T. Elyounoussi 65’), T. Reginiussen, K. Ajer, B. Meling, S. Berge, M. Henriksen, I. Fossum, M. Daehli (O. Elabdellaoui 46’), A. Sørloth, J. King (F. Ulvestad 89’)

Imwissija: S. Borg 55’ (M)

Skorjaw: J. King 7’, A. Sørloth 62’ (N), P. Fenech 40’ (M)

Referee: Aliyar Aghayev (Ażerbajġan)

Assistenti Referees: Zeynal Zeynalov, Akif Amirali (Ażerbajġan)

Attendenza: 2,713

It-tim Malti ħadem iebes, qasam għal perjodu l-logħba iżda minkejja l-isforzi kuraġġużi, gowl f’dak li kien l-aħjar mument ċaħħad lit-tim Malti minn punt li skont il-prestazzjoni, kien ikun meritat. Bit-telfa tal-Gżejjer Faroe, Malta spiċċat daqshom Grupp F bi tliet punti, b’differenza ta’ gowls aħjar min-Nordiċi. Bħal dak li seħħ barra minn darna kontra r-Rumanija, it-tim Malti għafas sal-aħħar għad-draw. Partita pożittiva għal diversi plejers, fosthom il-gowlkiper Henry Bonello, id-difensur Steve Borg kif ukoll Paul Fenech u Michael Mifsud, żewġ plejers ta’ esperjenza li żgur ħallew impatt fir-ritorn tagħhom.

Sfortunatament fost l-aktar punti negattivi kienu l-ispazji li beda jkun hemm fuq in-naħa xellugija tad-difiża bejn Zach Muscat u Joseph Zerafa, bil-plejers Norveġiżi bdew jgħaddu l-passaġġi vertikali fl-ispazji. Minbarra ż-żewġ gowls, kien hemm azzjonijiet oħra perikolużi li waslu minn dik iż-żona.

Din il-logħba jaf kienet l-aħħar waħda ta’ Ray Farrugia fit-tmexxija tat-tim nazzjonali u jekk kien il-każ, sellem bi prestazzjoni li tista’ titqies pożittiva. Fl-aħħar tal-logħba, Farrugia sellem lis-South End Core fejn anki libes xalla tat-tim Malti. Din il-logħba kienet żgur l-aħħar waħda bħala Team Manager għal Ivan Vella li dam f’din il-kariga għal 148 logħba.

Mit-telfa diżastruża kontra Spanja, Ray Farrugia għamel erba’ bidliet. Fid-difiża rritorna minn sospensjoni Steve Borg li beda flok Jonathan Caruana li kien ftit imweġġa’ u Joseph Zerafa beda flok Jurgen Pisani. F’nofs il-grawnd beda Paul Fenech flok Brandon Paiber u l-captain Micahel Mifsud beda flok Juan Corbalan li weġġa’ fl-aħħar logħba.

Mir-rebħa kontra l-Gżejjer Faroe, il-kowċ Lars Lagerback għamel erba’ bidliet. Il-gowlkiper Nyland beda flok il-gowlkiper regolari Rune Jarstein u kien hemm bidliet fuq iż-żewġ naħat tad-difiża. Jonas Svensson u Birger Meling bdew flok Omar Elabdellaoui u Haitam Aleesami rispettivament. Fuq in-naħa xellugija ta’ nofs il-grawnd beda Mats Moeller Daehli flok Ole Kristian Selnaes

In-Norveġiżi fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni wara seba’ minuti. Mats Moeller Daehli rċieva ballun intelliġenti b’mod vertikali u mil-lemin tefa’ kross għan-nofs lejn JOSHUA KING li b’xi ftit fortuna l-ballun baqa’ ma saqajh u għeleb lil Henry Bonello mill-viċin.

In-Norveġja baqgħet tikkontrolla l-logħba u mal-kwarta logħob, Andrei Agius xellef ix-xutt fil-baxx ta’ Alexander Sørloth wara li kien ingħata spazju mill-istess difensur. Okkażjoni perikoluża għan-Norveġja fit-28 minuta b’kontrattakk li minnu King avvanza fuq in-naħa xellugija, daħal fil-kaxxa iżda x-xutt fil-baxx għadda ftit barra. Reazzjoni tat-tim Malti tliet minuti wara, b’azzjoni personali ta’ Kyrian Nwoko fuq ix-xellug, rebaħ dwell ma’ Tore Reginiussen, daħal fil-kaxxa iżda ma laqatx il-ballun tajjeb u t-tentattiv ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.

Malta bdiet titjieb, b’aktar pussess filwaqt li d-difiża bdiet titla’ ftit metri. Dan ir-ritmu ġie ppremjat fl-40 minuta bil-gowl tad-draw. Kienet azzjoni ta’ żewġ plejers ta’ esperjenza li bdiet fuq il-lemin. Michael Mifsud ġibed il-ballun fuq ix-xellug u tefa’ kross fuq it-tieni lasta lejn PAUL FENECH li żmarka ruħu tajjeb u b’konklużjoni mill-ewwel għadda l-ballun minn taħt saqajn Oerjan Haaskjold Nyland.

It-tim ta’ Lars Lagerback fetaħ it-tieni taqsima jfittex il-gowl u fis-46 minuta Bonello kellu jsalva xutt minn barra l-kaxxa ta’ Markus Henriksen. L-azzjoni kompliet u d-daqqa ta’ ras ta’ Joshua King għaddiet ftit barra. Aktar ma beda jgħaddi l-ħin, it-tim Malti żied fil-kunfidenza, beda jżomm il-pussess u prova jopera b’kontrattakki perikolużi. Mas-siegħa logħob, Ray Farrugia daħħal lil Alfred Effiong flok Dunstan Vella u b’hekk Rowen Muscat daħal aktar f’nofs il-grawnd ma’ Paul Fenech, b’Effiong u Nwoko jilagħbu mal-linji.

Iżda f’dak li kien l-aħjar perjodu tat-tim Malti, in-Norveġja reġgħet marret fil-vantaġġ żewġ minuti wara. Sander Berge tħalla waħdu fil-kaxxa fuq in-naħa leminija u tefa’ kross għan-nofs lejn l-iżmarkat ALEXANDER SØRLOTH li xeħet għal ġewwa mill-viċin. In-Norveġja ngħatat penalty fis-66 minuta b’opportunità li tagħlaq il-logħba. Azzjoni simili għal ta’ qabilha, bi kross ta’ Berge lejn Sørloth li xxuttja għoli iżda ġie mfixkel minn daħla ta’ Zach Muscat, bir-referee Aliyar Aghayev jordna penalty. Inkariga ruħu mill-11-il metru King iżda sab lil Bonello fl-aħjar forma biex dawwar ix-xutt fil-baxx f’korner.

Għaxar minuti mit-tmiem, is-sostitut Elyounoussi falla ċans tad-deheb minn quddiem il-lasta u żewġ minuti wara Andrei Agius għolla tajjeb minn kross ta’ Paul Fenech iżda d-daqqa ta’ ras ħabtet man-naħa ta’ barra tax-xibka. Fl-aħħar minuti, Andrei Agius avvanza minn difensur għal nofs il-grawnd, bin-Norveġiżi jkunu kostretti jiddefendu l-gowl vantaġġ fl-aħħar minuti. Mat-tisfira finali, diżappunt u għajja evidenti fuq il-plejers Maltin li madankollu taw kollox fl-aħħar konfront minn dan il-grupp.