Illum f’Madrid fi Spanja se tibda l-fażi finali tat-Tazza Davis, kompetizzjoni organizzata mill-ITF riservata għat-timijiet nazzjonali tal-irġiel. Din l-edizzjoni hi waħda sepċjali għaliex se tkun b’format ġdid fejn f’din il-fażi finali se jkun hemm 18-il nazzjon jieħdu.
Din hi kompetizzjoni antika li kellha l-ewwel edizzjoni tagħha fl-1900 fejn fl-ewwel snin tagħha din kienet biss sfida bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit. Fil-fatt kien fuq insistenza tal-federazzjoni tat-tennis Amerikana li oriġinat din il-kompetizzjoni fejn l-Amerikani xtaqu kompetizzjoni bejnhom u r-Renju Unit biex jaraw il-livell tat-tennis fl-istati Uniti f’liema livell ikun wasal peress li l-Brittaniċi kienu meqjusa bħala l-aqwa fid-dinja.
Maż-żmien din il-kompetizzjoni mhux biss bidlet is-sura tagħha fejn ma baqgħetx riservata għall-Brittaniċi u l-Amerikani, iżda saret kompetizzjoni universali fejn prattikament in-nazzjonijiet tad-dinja kollha jieħdu sehem kif ukoll kibret sew fil-prestiġju tagħha.
Fl-aħħar forma tagħha din il-kompetizzjoni kienet tintlagħab fuq bażi ta’ Knock Out, fuq l-aqwa minn ħames logħbiet, 4 singles u l-logħba tad-doubles.
Kif għidna l-edizzjoni ta’ din is-sena hi storika fejn għall-ewwel darba se jkun hemm fażi finali fejn it-18-il nazzjoni finalista ġew maqsuma f’sitt gruppi ta’ tliet nazzjonaijiet kull grupp. Dawn jilagħbu logħbiet fuq round robbin u kull konfront se jibda jintlagħab fl-istess jum u jkun fuq l-aqwa minn tliet konfronti, żewġ logħbiet singles u l-logħba tad-doubles.
Ir-rebbieħa ta’ kull Grupp jgħaddu għall-kwartifinali flimkien mal-aqwa żewġ nazzjonijiet mit-tieni klassifikati. Il-logħbiet tal-kwartifinali, semifinali u l-finali, jintlagħbu xorta waħda fuq l-aqwa minn tliet konfronti, tliet konfronti li jintlagħbu fl-istess jum.
Bejn illum u l-ħamis jintlagħbu l-logħbiet mill-fażi tal-gruppi, u l-ħamis stess filgħaxija tintlagħab l-ewwel kwartifinali. Il-Ġimgħa jintlagħbu l-kwartifinali l-oħra, is-Sibt isiru ż-żewġ semifinali u l-Ħadd li ġej tintlagħab il-finali.
Il-poloz tas-sitt gruppi huma dawn:
Grupp A: Franza, Ġappun, Serbja
Grupp B: Kroazja, Russja, Spanja
Grupp C: Arġentina, Ċili, Ġermanja
Grupp D: Belġju, Kolombja, Awstralja
Grupp E: Kazakhstan, Olanda, Renju Unit
Grupp F: Italja, Kanada, Stati Uniti
Il-holders il-Kroazja jibdew id-difiża tat-titlu llum kontra r-Russja. Logħbiet oħra għal-lum huma Belġju v Kolombja u Italja v Kanada.
L-iktar nazzjon li rebaħ it-Tazza Davis hu L-Istati Uniti li rebħu t-Tazza 32 darba u 29 darba oħra kienu finalisti telliefa. Warajhom hemm l-Awstralja li rebħu t-Tazza David 28 darba u 19-il darba oħra kienu finalisti telliefa.
Wara l-Istati Uniti u l-Awstralja hemm Franza u r-renju Unit b’għaxar suċċessi kull wieħed, segwiti mill-Iżvezja b’seba’ rebħiet u minn Spanja b’ħamsa.
//= $special ?>