Lokali Parlament

Jasal tard fil-Parlament biex jevita mistoqsijiet dwar xogħol illegali f’Wied Qirda

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, għat-tieni darba fi ftit jiem waqqfet xogħol illegali li għaddej f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ.

Dan wara li s-Sibt, fuq ordni ta’ Infrastructure Malta, il-ħaddiema njoraw l-Enforcement Notices tal-ERA kif ukoll il-Pulizija li ntbagħtu fil-post. Net News saħansitra skopra li dawn in-notifiċi tqattgħu, tgħaffġu u ntremew.

Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Ministru Ian Borg, responsabbli minn Infrastructure Malta, għażel li jmur tard fil-Parlament biex evita l-ħin tal-mistoqsijiet. Filfatt hu wasal ftit wara li spiċċaw.

Fl-assenza tal-Ministru Ian Borg, il-mistoqsijiet ġew diretti lid-Deputat Chris Agius, responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar li ħarab milli jwieġeb bl-iskuża li mhux infurmat.

Fil-Parlament, saru wkoll mistoqsijiet dwar diversi proġetti oħra li saru minn Infrastructure Malta, fosthom Triq il-Marfa, fil-Mellieħa. Hawn, id-Deputat Robert Cutajar talab għaċ-ċertifikati li jiggarantixu li x-xogħol sar sew hekk kif din kellha terġa’ tinqala’ ftit ġimgħat biss wara li saret.

Minkejja li din it-triq qabdet tisfronda, ironikament Chris Agius ftaħar li x-xogħol li qed isir hu ta’ kwalità.

Ħarab milli jwieġeb ukoll dwar Triq San Ġorġ, f’Birżebbuġa. Hawn, ir-residenti qed jitkarrbu biex tittieħed azzjoni minħabba li din spiss qed tispiċċa mgħarrqa bil-karozzi għaddejjin mill-ilma baħar.