Internazzjonali

L-Iran: Twissija dwar ‘azzjoni deċiżiva’ f’każ li l-inkwiet ikompli

Il-Gwardja Rivoluzzjonarja — l-aktar qawwa militari b’saħħitha u influwenti minn lat politiku ( fl-Iran) — wissiet li għandha tittieħed ‘azzjoni deċiżiva’ fil-konfront tad-dimostranti li qegħdin jipprotestaw dwar iż-żidiet fil-prezz tal-fuel, f’każ li l-inkwiet fit-toroq ma jbattix.

Id-dimostranti ilhom l-aħħar jiem imexxu l- protesti kontra l-Gvern minħabba sitwazzjoni ‘li qed tolqothom  ħażin ħafna’ — bil-Gwardja Rivoluzzjonarja, issa, qed tindika possibbiltà ta’ miżuri drastiċi u ħorox ‘fl-interessi tas-sigurtà’.

Il-protesti dwar is-sistemi tar-rationing għall-fuel u ż-żidiet ta’ mill-anqas 50 fil-mija fil-prezzijiet tar-riżors qegħdin jingħataw bixra politika, bid-dimostranti jinsistu għar-riżenja tal-ogħla mexxejja reliġjużi.

Waqt id-dimostrazzjonijiet, li ilhom mill-Ġimgħa, ingħataw in-nar lil kwantità ta’ banek, karozzi u bini oħra. Dan meta l-iskala vera tal-inkwiet għadha mhix ċara, bl-awtoritajiet Iżlamiċi jrażżnu l-aċċess għall-Internet fl-Iran, bil-ħsieb li l-media soċjali ma tintużax għall-organizzazzjoni ta’ rallies u ċirkulazzjoni ta’ filmati relatati mal-protesti.

Madankollu, jidher li l-Iran qed jiffaċċja l-aktar inkwiet serju minn tal-aħħar xhur tal-2017, meta 22 persuna kienu rappurtati maqtula  fost protesti  li żbruffaw f’numru ta’ bliet, minħabba il-livell fqar tal-għajxien. Anki dik is-sena kienu spikkaw is-sejħiet biex iwarrbu l-personalitajiet għoljin tal-elit Musulman Xit li qed jamministra l-pajjiż.

Intant, il-Gwardja Rivoluzzjonarja, issa, qed tgħid li lesta, f’każ li neċessarju, tieħu azzjoni f’waqtha ‘kontra kulmin qed jhedded il-paċi u s-sigurtà tal-Iranjani’.

Fl-istess ħin xi Iranjani rnexxielhom jiċċirkolaw filmati li juru lill-pulizija qed jisparaw il-gass tad-dmugħ biex iferrxu lid-dimostranti – bl-awtoritajiet jgħidu li talanqas pulizija u dimostrant kienu tilfu ħajjithom fl-inkwiet, fost l-arresti ta’ xi ‘elf persuna li kienu qed jaqilgħu l-inkwiet’.