Internazzjonali

L-Italja milquta minn maltemp qawwi…

L-Italja milquta mill-maltemp…

Diversi bnadi tal-Italja, fl-aħħar jiem, ġarrbu l-impatt ta’ maltemp kbir, fost l-irwiefen u għargħar ġodda li kkaġunaw ħsarat u inċidenti tul medda ta’ territorju – minn Ruma sa Firenze u anki Venezja.

Il-maltemp — b’mod partikulari l-irwiefen kbar — qaċċtu numru ta’ siġar li kkaġunaw il-ħsarat fil-vetturi u proprjetà fid-distretti u l-vjal ta’ Ruma, fejn is-servizzi għall-emerġenzi kellhom iwieġbu għal aktar minn 200 inċident relatati mal-elementi.

Sadattant, l-awtoritajiet fl-ibliet ta’ Pisa u  Firenze kienu attenti għall-aħħar żviluppi fil-madwar tax-Xmara Arno, viċin il-Ponte Vecchio. Dan meta l-livelli tal-ilma tax-xmara, fi tmiem il-ġimgħa, telgħu ‘sat-tieni l-aktar livell kritiku’ minħabba x-xita qawwija fir-reġjun.

Kien hemm ukoll moniteraġġ għax-Xmara Po – l-itwal xmara f’dan il-pajjiż u li tgħaddi minn Turin – wara li l-livelli tagħha telgħu b’1.5 metru, b’kaġun tax-xita, fi spazju ta’ 24 siegħa biss.

Intant, il-Pjazza ta’ San Marco f’Venezja, li ilha mgħarrqa għal dawn l-aħħar jiem, kellha tingħalaq, fi tmiem il-ġimgħa, minħabba inċidenza kbira oħra ta’ għargħar li segwiet dik tat-Tlieta, meqjusa bħala l-agħar sitwazzjoni ta’ għargħar għal 50 sena.

Filwaqt li l-għargħar tat-Tlieta f’Venezja faqa’ l-pjazez, il-ħwienet, id-djar u l-lukandi bl-ilma – minbarra li kkaġuna l-ħsarat fil-patrimonju storiku imprezzabbli ta’ din il-belt – is-Sindku, Luigi Brugnaro, qal li l-aħħar għargħar fl-inħawi, għalkemm problematiku, ‘ma jidħirx li ħalla effetti daqstant gravi bħal ta’ jiem ilu’.

Brugnaro, li ġie maħtur kummissarju speċjali għall-kontroll tal-emerġenza f’Venezja, qed jikkalkula li l-ħsarat mill-għargħar f’din il-belt minn ġimgħa ilu ’l hawn huma ekwivalenti għal aktar minn biljun ewro.

Għalkemm Venezja għadha tħares allert għall-acqua alta (livell ta’ ilma għoli), il-vapuretti famużi taz-zona reġgħu bdew is-servizzi, bl-iskejjel u mużewijiet taz-zona jerġgħu jiftħu mill-ġdid.