Għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, l-Italja rebħet l-għaxar logħbiet tagħha fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni. Din id-darba l-vittmi tat-Taljani kienu l-Armenja li fi Stadio Renzo Barbera sfaw megħluba 9-1, f’dik li kienet l-akbar rebħa tat-tim Taljan f’aktar minn 70 sena. CIRO IMMOBILE u NICOLÒ ZANIOLO taw vantaġġ doppju lit-Taljani wara disa’ minuti. NICOLÒ BARELLA għamilhom tlieta fid-29 minuta u CIRO IMMOBILE skorja r-raba’ gowl fit-33 minuta. Għalkemm il-partita kienet magħluqa, it-tim żagħżugħ Taljan kompla jżid il-vantaġġ.
Fl-64 minuta kien NICOLÒ ZANIOLO li skorja b’xutt minn barra l-kaxxa, ALESSIO ROMAGNOLI skorja fit-72 minuta u JORGINHO għamilhom 7-0 tliet minuti wara minn penalty. RICCARDO ORSOLINI skorja t-tmien gowl b’daqqa ta’ ras fit-78 minuta u wara li EDGAR BABAYAN naqqas id-distakk b’xutt minn barra l-kaxxa minuta wara, FEDERICO CHIESA għamel l-iskor 9-1 b’daqqa ta’ ras fil-81 minuta.
Spanja temmet Grupp F b’rebħa ta’ 5-0 kontra r-Rumanija. FABIAN RUIZ fetaħ l-iskor wara tmien minuti minn rebound u fit-33 minuta GERARD MORENO rdoppja b’daqqa ta’ ras għar-rokna minn korner. ALVARO MORATA għamel l-iskor 3-0 fit-43 minuta b’gowl mill-kaxxa ż-żgħira, b’awto-gowl ta’ Adrian Rus jagħmel l-iskor 4-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima. MIKEL OYARZABAL issiġilla r-rebħa fid-90 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa.
L-Irlanda kienet frustrata fi draw ta’ 1-1 mid-Danimarka biex b’hekk se jkollha tilgħab il-play-off. MARTIN BRAITHWAITE poġġa lid-Daniżi minn fuq fit-73 minuta meta mattar siequ għal kross mil-lemin iżda fil-85 minuta d-difensur MATT DOHERTY ġab id-draw b’daqqa ta’ ras.
Il-Greċja temmet Grupp J b’rebħa ta’ 2-1 kontra l-Finlandja li diġà kienu kkwalifikati. Is-solitu TEEMU PUKKI fetaħ l-iskor fis-27 minuta iżda PETROS MANTALOS ġab id-draw mill-viċin fis-47 minuta. KONSTANTINOS GALANOPOULOS skorja l-gowl tar-rebħa għoxrin minuta mit-tmiem.
Il-Bożnija spiċċat b’rebħa ta’ 3-0 kontra Liechtenstein. ELDAR CIVIC fetaħ l-iskor fis-57 minuta u ARMIN HODZIC skorja darbtejn fl-64 u fit-72 minuta biex għalaq il-logħba.
L-Iżvezja rebħet 3-0 fil-Friends Arena kontra l-Gżejjer Faroe. SEBASTIAN ANDERSSON fetaħ l-iskor fid-29 minuta b’daqqa ta’ ras. MATTIAS SVANBERG irdoppja l-iskor fit-72 minuta u JOHN GUIDETTI għalaq il-logħba fit-80 minuta b’daqqa ta’ ras oħra.
L-Iżvizzera kkwalifikat bħala rebbieħa ta’ Grupp D wara rebħa kbira ta’ 6-1 f’Ġibiltà. CEDRIC ITTEN fetaħ l-iskor wara għaxar minuti mill-viċin. RUBEN VARGAS irdoppja fil-50 minuta b’daqqa ta’ ras u CHRISTIAN FASSNACHT għamilhom tlieta fis-57 minuta. REECE STYCHE naqqas id-distakk fl-74 minuta iżda l-Iżvizzeri spiċċaw il-logħba bi tliet gowls oħra. LORIS BENITO skorja minuta wara b’xutt fil-baxx, CEDRIC ITTEN skorja l-ħames gowl fl-84 minuta b’daqqa ta’ ras u GRANIT XHAKA skorja s-sitt gowl minn pożizzjoni ċentrali.
Riżultati kollha
Grupp D: Ġibiltà v Żvizzera 1-6, Irlanda v Danimarka 1-1
Grupp F: Malta v Norveġja 1-2, Spanja v Rumanija 5-0, Żvezja v Gżejjer Faroe 3-0
Grupp J: Greċja v Finlandja 2-1, Italja v Armenja 9-1, Liechtenstein v Bożnija 0-3
//= $special ?>