Edukazzjoni Lokali

“L-MUT se timxi skont ir-riżultat finali tal-istħarriġ” – Marco Bonnici

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Il-Union tal-Għalliema, l-MUT għamlet stħarriġ dwar jekk l-għalliema tal-iskejjel primarji u sekondarji għandhomx jimxu mis-servizz pubbliku għas-settur pubbliku.

L-MUT fost l-oħrajn saqsiet lill-membri tagħha jekk għandhiex tibda diskussjonijiet mal-Gvern dwar dan.

Ħadna l-kumment tal-President tal-MUT Marco Bonnici fejn spjegalna u tana aktar  informazzjoni dwar din il-proposta.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici

“Din tfisser, jekk għandniex inħarsu lejn l-iskejjel primarji u sekondarji għandhomx jimxu mis-servizz pubbliku għal settur pubbliku, jiġifieri bħala entità. Din diġà ġrat fil-qasam edukattiv, ġrat fl-MCAST, fl-ITS, fl-Università u qed iġġib riżultati pożittivi fejn jidħlu agreements, kundizzjonijiet tax-xogħol u pakketti finanzjarji”

Huwa qal li jixtieq li tinħareġ parità ġdida, il-primarju ma’ dak sekondarju mal-post-sekondardju.

“Naħsbu li din taf tkun it-triq ‘il quddiem, madankollu kollox jiddependi mir-riżultat finali”.

Marco Bonnici qalilna li bħalissa l-MUT qed tevalwa dan l-istħarriġ u l-Ħamis li ġej se jinħareġ ir-riżultat finali ta’ dan l-istess stħarriġ.

Serħan il-moħħ lill-għalliema

Marco Bonnici ta serħan il-moħħ lill-għalliema li preżentament għad m’hemm xejn, u li f’dan l-istadju, kollox għadu bħala proposta.

“Hemm ħafna biża’, hemm ħafna qlajjiet fuqha, hemm min qed jgħid ħa nitilfu l-vaganzi, ħa tvarja l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-salarji eċċ, dawn huma kollha qlajjiet, f’dan l-istadju kull m’hemm huwa proposta, li tista’ tkun mudell għall-futur”

Huwa qal li mhux ġust li jkun hemm qlajjiet li jxekklu l-ħidma li ssir favur id-drittijiet tal-għalliema.

“Jekk se jkollna approvazzjoni dwar dan il-mudell, dwar il-prinċipju tiegħu, ħa mmorru bil-proposta, jekk ma jkunx hemm approvazzjoni tal-prinċipju ma mmorrux bil-proprosta u ma jkun ġara xejn”

Marco Bonnici qalilna li l-MUT ħadmet biex l-edukaturi u l-għalliema jkollhom aktar drittijiet, u fittxet din il-proposta biex l-għalliema u l-kundizzjonijiet tagħhom jimxu aktar ‘il quddiem.

Hu qal li biex waslu għal din il-proposta raw anki mudelli oħra li hemm  fl-Unjoni Ewropea.

Ovvjament huwa aċċena magħna li għalissa m’hemm xejn finalizzat u r-riżultat tal-istħarriġ skont l-oppinjoni tal-għalliema se jinħareġ il-Ħamis.