Għada fis-6.00pm, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena jilgħab f’Aalborg kontra d-Danimarka f’logħba minn Grupp 8 mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. Id-Danimarka tinsab fil-quċċata tal-gruppi bi 12-il punt minn erba’ logħbiet.
Il-kowċ nazzjonali Silvio Vella jinsab konxju mill-konfront diffiċli u għalhekk kienet meħtieġa preparazzjoni intensiva. F’kummenti lis-sit uffiċjali tal-MFA, Vella qal li t-tim ilu tmint ijiem flimkien u jinsab kuntent bl-impenn li l-plejers urew.
Id-difensur ta’ Sliema Wanderers Kurt Shaw jinsab lura fl-iskwadra wara li x-xahar l-ieħor għamel id-debutt fit-tim nazzjonali tal-kbar, bil-midfielder Matthew Guillaumier ukoll jinsab fl-iskwadra hekk kif tilef l-aħħar logħbiet minħabba li kien imweġġa’. Nieqes minn din l-iskwadra hemm id-difensur ta’ Sliema Wanderers Michele Sansone li hu mweġġa’.
Id-difensur ta’ Valletta Jean Borg se jżomm il-faxxa ta’ captain għall-konfront tal-lum hekk kif hu l-aktar plejer li lagħab mat-tim ta’ taħt il-21 sena. “Jean dejjem ta l-100% u mexxa b’eżempju minkejja d-diffikultajiet li jkollna fil-logħbiet tagħna fuq livell internazzjonali,” qal Vella.
Il-kowċ nazzjonali flimkien mal-istaff mediku, qed jagħmlu evalwazzjoni ta’ żewġ plejers fl-iskwadra li sofrew xi daqqiet żgħar fl-aħħar jiem. Il-konfront kontra d-Danimarka se jkun l-aħħar wieħed għal dawn iż-żgħażagħ f’din is-sena.
Skwadra Maltija
Gowlkipers: Timmy Aquilina (Gudja United), Andreas Vella (Mosta)
Difensuri: Jean Borg (Valletta), Dejan Debono (Senglea Athletic), Nicholas Pulis (Valletta), Zachary Karl Grech (Balzan), Kurt Shaw (Sliema Wanderers), Zachary Cassar (Gudja United), Gary Camilleri (Tarxien Rainbows)
Midfielders: Myles Beerman (Hibernians), Marcus Grima (Balzan), Nevin Portelli (Tarxien Rainbows), Jamie Zerafa (Santa Lucia), David Xuereb (Senglea Athletic), Aidan Friggieri (Gudja United), Jan Tanti (Senglea Athletic), Matthew Guillaumier (Birkirkara)
Attakkanti: Jan Busuttil (Floriana), Zachary Brincat (Mosta), Omar Elouni (Santa Lucia)
//= $special ?>