Sport

Tsitsipas jegħleb lil Thiem fi tliet sets biex jikseb l-ikbar suċċess fil-karriera tiegħu

It-tennista Grieg Stefanos Tsitsipas irkupra wara li tilef l-ewwel set biex għeleb lill-Awstrijak Dominic Thiem 6-7, 6-2, 7-6 biex rebaħ il-finali tal-ATP Finals li saret fl-O2 Arena ta’ Londra.

Għal Tsitsipas dan kien bla dubju l-ikbar unur li hu kiseb s’sissa fil-karriera tiegħu. Tsitsipas sar ukoll l-iżgħar tennista li rebaħ dan it-titlu fl-aħħar 18-il sena.

Tsitsipas li għandu 21 sena tilef l-ewwel set bit-tie break, iżda fil-bidu tat-tieni set kellu bidu ferm tajjeb fejn rebaħ l-ewwel erba’ games biex ħa vantaġġ tajjeb. Hu kkontrolla dan il-vantaġġ biex rebaħ it-tieni set faċilment 6-2.

Fit-tielt set deċiżiv Tsitipas reġa’ kellu bidu tajjeb u kiseb break mis-service tal-avversarju biex fetaħ vantaġġ ta’ 3-1. Iżda Tsitsipas ma rnexxielhux iżomm dan il-vantaġġ b’Dominc Thiem jirkupra tajjeb u jikseb break mis-service tal-Grieg biex is-set kellu jkun deċiż bit-tie break.

Din id-darba it-tie break mar favur Tsitsipas biex it-tennista Greig sar l-iżgħar tennista li rebaħ dan it-turnament ta’ tmiem is-sena, fejn qablu l-iżgħar rebbieħ kien l-Awstraljan lleyton Hewitt li kien ittrijonfa fis-sena 2001.

Tsitsipas kien qed jagħmel l-ewwel dehra tiegħu f’dan it-turnament li jlaqqa’ fih l-aqwa tmien tennisti ta’ matul is-sena. Fis-semifinali Tsitsipas għeleb faċilment lil Roger Federer, li fil-jum ta’ qabel kien ġab fix-xejn lil Novak Djokovic.

Dominic Thiem kien il-favorit għal din il-final wara li fil-grupp rebaħ kemm kontra Roger Federer kif ukoll kontra Novak Djokovic.