Sport

Verstappen jirbaħ il-Grand Prix tal-Brażil

Max Verstappen fuq Red Bull rebaħ il-Grand Prix tal-Brażil biex kiseb it-tmien rebħa fil-karriera tiegħu. Iżda t-tellieqa tal-bieraħ tibqa’ mingħajr dubju mfakkra għal mod kif iż-żewġ vetturi Ferrari misjuqa minn Vettel u Leclerc ħabtu ma’ xulxin biex it-tnejn kellhom jirtiraw.

L-inċident li kixef fid-deher il-firda li hemm fit-tim Ferrari seħħ fis-66 dawra meta Leclerc qabeż li Vettal b’dan ta’ l-aħħar jidher jolqot il-vettura ta’ Leclerc bil-konsegwenza li t-tnejn kellhom jirtiraw fejn issa se jkun hemm polemika kbira u possibilment iridu jittieħdu xi deċiżjonijiet dixxiplinari minn naħa tad-diriġenti tal-iscuderia minn Maranello.

Intant ir-rebħa fil-Brażil kienet it-tielet waħda din is-sena għal Verstappen wara r-rebħiet miksuba fl-Awstrija u l-Ġermanja. Is-sewwieq Olandiż kien dejjem f’kontroll f’Sao Paolo, f’tellieqa li rat l-ewwel podium għal Pierre Gasly ta’ Toro Rosso li kiseb it-tieni post.

Il-Grand Prix tal-Brażil kien l-appuntament ta’ qabel l-aħħar din is-sena, fejn il-programm tal-2019 jintemm fl-1 ta’ Diċembru f’Abu Dhabi.