Lokali Parlament

L-iskandlu tal-Vitals…agħar minn korruzzjoni


Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-iskandlu tal-Vitals hu agħar minn korruzzjoni.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista tat rendikont ta’ dibersi ċirkostanzi lis seħħew f’dan l-iskandlu.

13 ta’ Marzu 2013; fil-ministeri li għamel Joseph Muscat malli tela’ l-ewwel darba, ir-responsabbiltà għall-Isptar t’Għawdex neħħieha minn idejn il-Ministru ta’ Għawdex.

Marzu 2015; il-Gvern jagħmel sejħa pubblika għall-offerti biex kumpaniji privati jimmaniġġjaw u jagħtu s-servizzi fi tliet sptarijiet pubbliċi: San Luqa, Karin Grech u Għawdex.

20 ta’ Mejju 2015; il-Gvern iħabbar li tliet kumpaniji tefgħu l-offerta.

27 ta’ Ġunju 2015; il-Gvern iħabbar li għażel lil Vitals Global Healthcare (VGH) f’din l-offerta.

Il-Ministru Konrad Mizzi, dakinhar responsabbli għas-Saħħa u Enerġija, wiegħed investiment ta’ €200 miljun minn Vitals. Wiegħed li l-proġett f’Għawdex kellu joħloq 650 impjieg bil-bini ta’ sptar akut state of the art b’150 sodda għat-turiżmu mediku, 125 sodda mikrijin lill-Gvern u 165 sodda oħra għall-ġerjatrika. Dan il-proġett kellu jfisser ukoll 220 sodda privata fl-Isptar San Luqa kif ukoll 80 sodda oħra għal servizzi ta’ riabilitazzjoni. L-Isptar Karin Grech kellu jinbidel fi sptar pubbliku tal-ġerjatrija bi 320 sodda.

Konrad Mizzi jingħata r-reposnabbiltà ta-saħħa u l-enerġija; żewġ setturi mhux relatati. Għaliex?

20 ta’ Lulju 2015; Chris Fearne jagħmel il-proġett wieħed tiegħu u jiftaħar li minn tliet snin oħra jibdew jiġu 5,000 turist mediku.

21 t’Awwissu 2015; The Times tiżvela li lejlet Santa Marija, Vitals akkwistaw avviż legali mill-Gvern li bih ma kellhomx għalfejn joqogħdu japplikaw għall-permessi tal-bini.

13 ta’Ottubru 2015; żvelat mit-Times li dan it-trattament speċjali lil Vitals jista’ jmur kontra r-regoli Ewropej.

16 ta’ Marzu 2016; il-Gvern jagħmel u-turn fuq dan l-avviż legali.

Mill-ewwel bdew iqumu diversi mistoqsijiet dwar it-track record zero tal-kumpanija u tal-wiċċ tagħha f’Malta, Ram Tumuluri.  Il-kumpanija qatt ma wriet l-iċken prova li kellha xi track record imqar minimu fil-qasam tas-saħħa, qalet Claudette Buttigieg.

8 ta’ Novembru 2015; il-gazzetta Illum tiżvela kif Ram Tumuluri ma kellu ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa u wisq inqas esperjenza ta’ suċċess fin-negozju. L-uniċi rekords taħt ismu kienu dawk relatati ma’ kumpanija jisimha Ayurcare fil-Kanada li kienet ġiet xolta għax kisret il-liġi. Illum żvelat li Ram Tumuluri kien iddikjara falluta l-kumpanija T&V Hospitality, parti minn struttura li kienet qed tmexxi l-lukanda Nita Lake Lodge fil-Kanada, bil-konsegwenza li ma kienx baqa’ Direttur Maniġerjali tal-istess Lukanda.

Tumuluri kien ċaħad li hu mexxa kumpanija li falliet u kien sostna li l-kumpanija kellha biss l-assi trasferiti.

Fis-16 ta’ Marzu 2010, Nikita Lake Lodge, lukanda fil-Kanada, waqgħet taħt maniġment ġdid. Artiklu fuq is-sit ta’ lukandi ‘Hotel Interactive’ irrapporta hekk; Managing Director, Ram Tumuluri, will head the take-over team and lead the day-to-day operations for the hotel.”

Fl-2014, il-Qorti Suprema tal-British Columbia, provinċja tal-Kanada, tagħmel referenza għal Tumuluri bħala President u Direttur ta’ T&V Inc. li suppost kienet qed timmaniġġja l-lukanda Nikita Lake Lodge u ta’ lukandi oħrajn. Skont is-sentenza tal-Qorti, T&V ta’ Ram Tumuluri kisret dioversi obbligazzjonijiet li kellha lejn is-sidien tal-lukandin li kienet qed timmaniġġja.

Ram Tumuluri – l-ebda esperjenza fis-settur tas-saħħa

Is-sentenza tal-Qorti tgħid hekk; ‘Il-kumpanija poġġiet lis-sidien kollha f’riskju sever. T&V…ħassru r-rekords tal-kontijiet u ħadu depożiti mill-karti ta’ kreditu mill-‘bookings’ tal-Milied…’

Sena wara din is-sentenza, fl-2015, Vitals rebħet il-kuntratt biex timmaniġja tliet sptarijiet f’Malta u Ram Tumuluri ħa pożizzjoni prinċipali fil-proġett f’Għawdex.
Daphne Caruana Galizia u oħrajn kixfu li Ram Tumuluri hu frodist.

21 ta’ Novembru 2015; minkejja li Vitals kienet qed titkellem qisha l-isptarijiet tagħha, il-Ministru Chris Fearne f’Dissett jammetti li l-kuntratt kien għadu mhux iffirmat. Ma jikkummentax meta mistoqsi hux se jippubblika l-kuntratt.

Marzu 2016; il-Gvern jiffirma l-kuntratt ma’ Vitals, imma ma jippubblikahx. L-Oppożizzjoni insistiet ripetutament li l-Gvern jippubblika l-kuntratt li ffirma ma’ VGH.
1 ta’ Ġunju 2016; il-Prim Ministru ma jiċħadx li Konrad Mizzi ltaqa’ ma’ Vitals saħansitra qabel ma l-Gvern ħareġ l-offerta għall-isptarijiet.

2 ta’ Ġunju 2016; Chris Fearne jgħid li l-kuntratt ikun ippubblikat f’Novembru li kien imiss, jiġifieri disa’ xhur wara li kien iffirmat. Għalissa ma jgħid xejn kemm se jiċċensura minnu.

Ġunju 2016; l-isptarijiet jgħaddu f’idejn Vitals.

Vitals intrabtet li tinvesti €220 miljun ewro f’sentejn (jiġifieri sal-2018 – is-sena li għaddiet). F’kummenti pubbliċi, Ram Tumuluri, wieħed mid-Diretturi u l-‘wiċċ’ ta Vitals, assigura li l-kumpanija kellha l-esperjenza meħtieġa fil-qasam u li se jkollha bħala sieħeb lil Walter Reed Medical Centre għas-servizzi ta’ riabilitazzjoni fl-Isptar San Luqa.

17 ta’ Ġunju 2017: it-Times tiżvela li Vitals kienet lanqas biss għadha ndenjat ruħha titfa’ l-aplikazzjoni biex tibni dak li wiegħdet bħala Sptar Ġenerali ġdid akut f’Għawdex.

26 ta’ Ġunju 2016; it-Times kixfet li fil-każ tal-Isptar t’Għawdex, Vitals setgħet iżżid iż-żmien għal 99 sena. (Aktar tard kixfet l-istess ħaġa dwar l-Isptar San Luqa.)

11 ta’ Lulju 2016; il-UĦM tgħid li mhi se tiffirma ebda ftehim ma’ Vitals qabel tara l-kuntratt.

7 t’Awwissu 2016; waqt l-inawgurazzjoni ta’ servizz bil-helicopter minn Għawdex, Chris Fearne iwiegħed li Vitals kellha tagħmel sptar ġdid state of the art f’Għawdex u tagħti servizz fuq livell Amerikan. Wiegħed ukoll li jippubblika l-kuntratt fil-Parlament.

20 t’Ottubru 2016; il-kuntratt ippubblikat imbiċċer.

Claudette Bttigieg qalet li meta l-Gvern suppost ippubblika dan il-kuntratt, ħafna partijiet importanti tiegħu kienu ċċensurati. Fil-fatt 63 faċċata kienu mgħottijin kollha jew parti minnhom bl-iswed. Ħafna ċifri kienu mgħottijin hekk li minn dak li ‘ppubblika’ l-Gvern ma tista’ tieħu l-ebda idea tal-kuntratt.

L-istess il-Key Performance Indicators, jiġifieri l-kejl ta’ jekk il-VGH kisritx jew osservatx il-kuntratt; dawn ukoll kienu ċċensurati mill-‘pubblikazzjoni’ tal-kuntratt. Il-Gvern sostna li l-partijiet tar-rapport li kienu ċċensurati kienu ta’ natura kummerċjali sensittiva.

4 ta’ Novembru 2016; f’kummenti lill-media, Ram Tumuluri saħaq li hu mhux il-VGH. Sostna wkoll li wara l-kumpanija hemm numru ta’ nies, fosthom bord mediku.

5 ta’ Novembru 2016; it-Times tiżvela li s-sejħa pubblika għall-offerti għat-tliet sptarijiet kienet biss mise-en-scène għax il-Gvern kien diġà ffirma ftehim inizjali sigriet ma’ Vitals saħansitra qabel il-proċess pubbliku tat-tender. U Konrad Mizzi ta l-go-ahead biex jiftaħ il-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama jumejn wara li ffirma l-kuntratt ma’ Vitals.

Interessanti li Vitals għall-ewwel riedet biss l-Isptar t’Għawdex, imma mbagħad il-Gvern taha wkoll l-isptarijiet Karin Grech u San Luqa.

26 ta’ Novembru 2016; il-kuntratt tant jinten li l-unions li jirrappreżentaw lit-tobba u lill-ħaddiema tal-isptarijiet – l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) – talbu lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament (PAC) biex jinvestiga dan il-kuntratt. Dan għamluh f’ittra lill-PAC.

28 ta’ Novembru 2016; il-unions ressqu wkoll protest fil-Qrati biex il-Gvern jippubblika l-ftehim sigriet tiegħu ma’ Vitals.

6 ta’ Diċembru 2016; wara t-talba tal-unions lill-PAC u l-protest ġudizzjarju tagħhom, il-Ministru Chris Fearne u l-Membri tal-Gvern fil-Kumitat tal-Kontijiet pubbliċi talbu lill-Awditur Ġenerali biex jifli l-kuntratti bejn il-Gvern u l-VGH. L-Awditur Ġenerali kellu jinvestiga jekk dan il-kuntratt jirrappreżentax valur tajjeb għall-flus u jekk dak li kienu ntrabtu li jagħmlu l-VGH kienx jikkostitwixxi titjib fis-servizz.

Il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet…falliment


28 ta’ Mejju 2017; żvelat fit-Times li l-Gvern kien diġà ffirma l-ftehim preliminari ma’ Vitals qabel ħabbar min rebaħ l-offerta għall-privatizzazzjoni tas-servizzi fit-tliet sptarijiet.

Aktar tard, il-Gvern jibqa’ jagħmel minn kollox biex iżomm sigriet anke dan il-ftehim preliminari.

31 ta’ Mejju 2017; żvelati aktar fatti dwar Vitals. It-Times tirrapporta li Asad Shukat Ali, li kien ingaġġat mal-Vitals għal ‘konsulenzi’, kien fetaħ kont fil-Pilatus fejn  beda jirċievi ‘eluf ta’ ewro’.
Ir-rapport tat-Times jgħid li Asad Shukat Ali kellu ishma fil-kumpanija Cross Range Holdings Ltd li wkoll għandha ishma fi Bluestone Investment Malta Ltd li hija l-kumpanija li tagħha hi Vitals imma li l-UBO, is-sid veru tagħha, hu sigriet. VGH ċaħdu li l-kumpanija għandha rabtiet mal-Bank Pilatus. Asad Shukat Ali qal li hu qatt ma kellu kontijiet. Kienet il-kumpanija Planetcore Malta li tagħha kien Kap Eżekuttiv li għandha kont fil-Bank Pilatus, qal Asad Shukat Ali, li b’hekk ammetta li għandu relazzjoni kemm ma’ Pilatus Bank kif ukoll ma’ Vitals.

23 ta’ Lulju 2017; aktar żvelar mill-media juri li l-kuntratt ma’ Vitals jagħtiha dħul ta’ 70 miljun ewro fis-sena, jiġifieri aktar minn €2,000 miljun fuq 30 sena. Iċ-ċifri saru magħrufin għax inkixfu mill-media indipendenti u mhux għax ippubblikahom Joseph Muscat. Anzi, Joseph Muscat ħeba kemm felaħ minn dan il-kuntratt.

1 t’Awwissu 2017; żvelat li Vitals se tieħu aktar flus, apparti l-2,000 miljun żvelati ftit ġranet qabel. U dan minkejja li l-uniku proġett li bdiet tagħmel xi ħaġa fuqu waqa’ lura sew.

L-iskola medika ta’ Barts kellha tibda aktar minn sena ilu, imma wara sena l-istudenti kellhom jużaw il-bini tas-Sixth Form f’Għawdex.

Settembru 2017; il-Gvern isir jaf li Vitals se tbigħ il-kuntratt tagħha miegħu, imma jżomm din l-aħbar sigrieta waqt li jaf li l-bejgħ jista’ jwaqqfu skont l-istess kuntratt.

Claudette Buttigieg qalet li waqt li l-Gvern kien jaf li Vitals kienet se tbigħ, taha aktar miljuni.