Lokali

23% tat-tfal f’riskju ta’ faqar

Is-sena li għaddiet, 23 fil-mija tat-tfal sa 17-il sena kienu jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

Dan ħareġ minn statistika Ewropea ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, hekk kif l-20 ta’ Novembru jitfakkar il-Jum Dinji tat-Tfal.

Dan il-Jum kien stabbilit min-Nazzjonijiet Uniti fl-1954, bl-għan ewlieni li tfakkar din il-ġurnata jibqa’ dak tal-promozzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal madwar id-dinja.

Fl-aħħar tal-2018, il-popolazzjoni totali tar-residenti f’Malta u Għawdex kienet ta’ 493,559.  Minn dawn, 80,196 kellhom l-età ta’ bejn sa 17-il sena.

L-istatistika miġbura mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li din il-parti tal-popolazzjoni naqset b’14,442 meta mqabbel mal-livelli tal-2000.

Matul is-sena skolastika li għaddiet, l-għadd totali ta’ studenti li kellhom sa 17-il sena ammontaw għal 63,182, b’10 fil-mija minnhom kienu ta’ nazzjonalità barranija.

Il-maġġoranza – 61 fil-mijja – attendew Skejjel tal-Istat, segwiti minn skejjel tal-Knisja u Indipendenti.

L-istituzzjonijiet edukattivi li jospitaw l-akbar numru ta’ studenti kienu f’Birkirkara, segwit minn Pembroke u Ħamrun rispettivament.