Raġel li qed ikun meqjus bħala “middleman” fl-assassinju tal-Ġurnalista Daphne Caruana, u li kien arrestat il-Ħamis, talab għal Maħfra Presidenzjali għax qal li jaf min hu l-moħħ wara dan il-każ.
L-arrest tal-“middleman” – li rapporti qed jgħidu li hu Melvin Theuma, xufier tat-taxi minn Birkirkara – ma kellux x’jaqsam mal-assassinju, li seħħ f’Ottubru 2017, iżda wara ħidma dwar allegat ħasil tal-flus minn ċirku ta’ nies, li r-raġel kien parti minnu.
Il-ġurnal Times of Malta, li żvela t-talba għall-Maħfra Presidenzjali, irrapporta li l-Pulizija ilhom għal dawn l-aħħar jiem jippruvaw janalizzaw dak li qed jgħid li jaf. Dan hekk kif il-Pulizija temmen li hemm involuti mill-anqas persuna jew tnejn oħra, li għadhom qatt ma ġew interrogati.
Il-ġurnal ikkwota sorsi li qalu li l-kundizzjonijiet marbuta tal-Maħfra Presidenzjali għadhom qed ikunu diskussi bejn il-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-Prim Ministru.
Min-naħa tiegħu, f’kumment lill-media qabel laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li rċieva din it-talba, li qal li ddiskutieha mal-Avukat Ġenerali u mal-investigaturi. Hu qal li ffirma ittra li tistipula li jekk u meta l-evidenza tkun ingħatat, hu jirrakkomanda li tingħata l-Maħfra Presidenzjali bil-kundizzjoni li din il-persuna tikkopera mal-awtoritajiet fuq kwalunkwe każ li jista’ jkollu.
//= $special ?>