Futbol Sport

Bidu diżastruż fatali għaż-żgħażagħ Maltin fid-Danimarka

(Ritratt: mfa.com.mt)

DANIMARKA ……………. 5

MALTA …………………….. 1

Il-logħba kontra d-Danimarka kienet meqjusa bħala waħda diffiċli iżda l-bidu diżastruż taż-żgħażagħ Maltin kompliet tagħmel din il-logħba bħala missjoni impossibli.

Wara biss erba’ minuti logħob il-Maltin kienu diġa’ sofrew żewġ gowls, żewġ gowls li prattikament għalqu l-logħba qabel bdiet.

Il-kowċ nazzjonali Silvio Vella għamel erba’ tibdiliet mill-aħħar logħba tal-Maltin fil-Finlandja.

Iżda wara biss erbgħin sekonda d-Daniżi fetħu l-iskor permezz ta’ Bruun Larsen.

Tliet minuti wara kien il-captain Victor Nelsson li spara għal ġewwa mill-viċin wara li l-goalkeeper Vella salva parzjalment.

Mal-kwarta logħob kien Jens Odgaard li skorja t-tielet gowl b’azzjoni verament tajba.

L-attakki tad-Daniżi kienu kontinwi u ħames minuti mill-intervall l-iskor sar 4-0 meta l-avversarji rebħu penalty dubjuż li minnu Jacob Bruun Larsen ma żbaljax.

Ftit qabel intemmet it-taqsima l-Maltin skorjaw gowl ta’ konsolazzjoni b’xutt sabiħ mid-distanza tal-midfielder ta’ Valletta Nicholas Pulis.

F’nofs it-tieni taqsima Andreas Olsen skorja l-ħames gowl tad-Danimarka.

Danimarka: Oliver Christensen, Andreas Poulsen (Mads Emil Madsen 46), Victor Nelsson (Japhet Sery 77), Jacob Sorensen, Andreas Olsen, Jens Odgaard, Jacob Bruun Larsen (Anders Dreyer 64), Mikkel Damsgaard (Morten Hjulmand 46), Nikolai Laursen (Nicolas Madsen 63), Magnus Andersen, Mads Rasmussen.

Malta: Andreas Vella, Nicholas Pulis, Zachary Grech, Matthew Guillaumier, Kurt Shaw, Jean Borg, Marcus Grima (Jan Tanti 74), Jamie Zerafa, Zachary Brincat (Omar Elouni 92), Nevin Portelli (Aidan Friggieri 87), Myles Beerman (Jan Busuttil 74).

Referee: Luis Teixeira (Andorra).