Futbol

Bonucci jġedded il-kuntratt ma’ Juventus

Id-difensur Leonardo Bonucci ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Juventus sas-sena 2024. Dan kien imħabbar minn Juventus ilbieraħ.

Bonucci kien ingħaqad l-ewwel darba ma’ Juventus fis-sena 2010, iżda kważi b’sorpriża hu kien ingħaqad ma’ Milan fl-istaġun 2017-18 għas-somma ta’ madwar 40 miljun ewro, trasferiment li jingħad li sar minħabba problemi li seta’ kellu Bonucci mal-Bianconeri.

Iżda staġun biss wara Bonucci rritorna ma’ Juventus bi bdil ma’ Mattia Caldara, li prattikament qatt ma lagħab ma’ Milan minħabba diversi problemi fiżiċi. Caldara issa jidher li rkupra u lest biex jilgħab għar-Rossoneri.

Bonucci li għandu 32 sena ma’ Juventus rebaħ seba’ Scudetti u tliet darbiet il-Coppa Italia, minbarra karriera twila mat-tim nazzjonali Taljan.