F’Mozura, il-Montenegro, ġie inawgurat proġett tat-turbini, liema proġett twettaq b’investiment mill-Enemalta u s-Shanghai Electric.
It-tnedija tal-proġett saret f’Novembru 2015 mill-Prim Ministru Joseph Muscat, akkumpanjat fost l-oħrajn mill-Ministru Konrad Mizzi u fil-preżenza tal-Prim Ministru Montenegrin Duško Marković.
Żjara bħal din, li l-media lokali kienu nfurmati biha wara li seħħet, tfakar lil ħafna għaż-żjara li Muscat u d-delegazzjoni tiegħu kienu għamlu fl-Ażerbajġan, fid-dawl ta’ numru ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ma tieqaf qatt fil-pajjiż tal-Montenegro.
F’Lulju li għadda, il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa kien ippubblika rapport tal-FIAU li qajjem suspett fuq il-ftehim bejn il-Gvern ta’ Muscat u dak tal-Montenegro.
Ir-rapport kien iddetermina “li hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex tikkonkludi li hemm suspett raġonevoli ta’ ħasil ta’ flus jew almenu tentattiv.”
Dan ir-rapport kien ġibed ukoll l-attenzjoni tal-media lokali, b’pubblikazzjoni ta’ artikli dwar il-konklużjonijiet, fosthom mill-ġurnal The Malta Independent.
Ir-rapport jinnota li n-negozjati għat-turbini fil-Montenegro bdew f’Lulju tal-2010 bejn il-Gvern tal-Montenegro u konsorzju Spanjol. Ladarba l-permess tal-bini meħtieġ inħareġ f’Diċembru 2014, il-konsorzju Spanjol ittrasferixxa l-ishma tiegħu fil-kumpanija sussidjarja Mozura Wind Park lil Enemalta fit-2 ta’ Frar 2015.
Dan qajjem suspett għall-fatt li l-Konsorzju xorta beda x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-15 ta’ Frar, minkejja li ttrasferixxa l-ishma tiegħu lill-Enemalta plc fit-2 ta’ Frar 2015 … bl-FIAU kienet sabet numru ta’ ċirkustanzi suspettużi.
Wieħed jinnota li Konrad Mizzi kien fil-Montenegro f’Ġunju tal-2015 filwaqt li fix-xahar ta’ wara, il-Kumpanija GASOL biegħet l-interessi tagħha f’Electrogas Malta Ltd … fl-istess żmien meta daħlet fl-istorja il-kumpanija HEARNVILLE, li l-Ministru Konrad Mizzi fetaħ fil-Panama.
Il-preżenza ta’ Konrad Mizzi fil-Montenegro f’Novembru 2015 … jumejn biss wara li ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern tal-Montenegro u l-Enemalta, b’rabta ma’ garanzija bankarja ta’ €1.5 miljun, ukoll iqajjem bosta mistoqsijiet.
Suspett ukoll bil-mod kif il-Ministru Konrad Mizzi rnexxielu jonfoq biss ċenteżmu fi tlett ijiem fil-Montegro mill-card bankarja personali tiegħu … mingħajr ma jirriżulta l-ebda nfieq mill-card tal-Ministeru.
Ir-rapport jittratta wkoll kwistjonijiet oħra u jżid is- suspett minħabba li Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kienu qed jistabbilixxu strutturi bħala impriża konġunta … suspett akbar meta fl-istess żmien inħolqu wkoll il-kumpaniji Tillgate ta’ Schembri u Egrant.
Biex il-kobba tkompli titħabbel … isem ieħor li għandu konnessjoni mal-Montenegro hu dak ta’ Vitals Global Healthcare, li kellha tiffirma kuntratt ta’ 30 sena fil-Montenegro għat-tmexxija ta’ sptarijiet tal-istat… simili ta’ kif għamlet f’Malta.
Wieħed tajjeb ifakkar li d-Direttur ta’ Vitals, Ram Tumuluri kien iltaqa’ mal-Ministru ta’ dak iż-żmien tas-Saħħa, Konrad Mizzi f’Jannar tal-2015, fejn kienu nibdu t-taħdidiet biex Vitals jieħdu l-isptarijiet ta’ Malta f’idejhom.
//= $special ?>