Lokali Unjoni Ewropea

Ġurnalisti mhedda: meħtieġa azzjoni – David Casa

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa

“M’għandniex inkunu passivi dwar it-theddid fuq il-ġurnalisti investigattivi, li iktar ma jgħaddi żmien, dejjem qed jikber. Nassigurakom li ser tibqgħu ssibu l-appoġġ tiegħi f’dawn il-battalji. U bħali, hemm ħafna ewroparlamentari oħra mill-gruppi politiċi kollha li huma lesti jagħmlu l-istess ħaġa. “

David Casa qal dan waqt seduta ta’ smigħ tal-Parlament Ewropew ma’ ġurnalisti u esperti dwar il-prosekuzzjoni ta’ ġurnalisti Torok u l-opportunitajiet għal azzjoni mill-Unjoni Ewropea. Din is-seduta ġiet organizzata mill-Istitut Internazzjonali għall-Istampa (IPI).

Il-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa, kien wieħed mill-kelliema ewlenin u rrakkonta kif kien għen ġurnalista investigattiva Torka li kienet ippubblikat rapporti fattwali li kienu inkonvenjenti għal ċertu nies fil-poter.

Pelin Ünker kienet irrapportat li Paradise Papers kixfu kumpaniji li kienu ta’ qraba tal-President Tork Erdogan u l-qraba tal-Ispeaker Yildirim, li dak iż-żmien kien il-Prim Ministru. Ünker kienet sempliċement irrappurtat fatti mhux ikkontestati.

Kmieni din is-sena, Pelin Ünker ġiet akkużata minħabba dawn l-istejjer fattwali u ġiet ikkundannata għall-ħabs. Ünker hija omm ta’ tarbija ta’ sentejn u s-sentenza kienet se tisseparaha minn binha għal aktar minn sena.

David Casa kien ivvjaġġa lejn Istanbul biex jiltaqa’ magħha kif ukoll jiltaqa’ ma’ organizzazzjonijiet tal-midja. Flimkien ma’ ewroparlamentari oħra, Casa beda kampanja biex jiġbed l-attenzjoni fuq il-każ ta’ Pelin Ünker.

Huma bagħtu ittri, għamlu dikjarazzjonijiet u ħarġu stqarrijiet. Pelin Ünker marret ukoll Malta bħala mistiedna ta’ David Casa fejn tkellmet f’vejla ad unur Daphne Caruana Galizia. Casa kellu wkoll laqgħat ma’ uffiċjali Torok ta’ livell għoli biex jiddefendi lil Pelin Ünker.

L-akkużi kontra Pelin Ünker eventwalment twaqqfu mill-qorti fit-Turkija, u llum Pelin Ünker qed tkompli x-xogħol imprezzabbli tagħha li tikteb dak li għandha tikteb għax huwa veru anki jekk huwa dwar nies fil-poter.

“Nemmen li l-ħidma tagħna f’din il-Kamra kellha rwol importanti fl-eżitu ta’ dan il-każ, u għalhekk ippreveniet inġustizzja kbira milli tiġri. Bħal Pelin Ünker hemm daqstant oħrajn. Hemm ħafna ġurnalisti tajbin fit-Turkija li huma ppersegwitati għax qed jagħmlu xogħolhom. Billi b’xogħolhom iżommu dawk fil-poter taħt lenti u taħt dawl qawwi. Billi jitolbu lil kbarat jagħtu rendikont. Billi sempliċiment jikxfu l-verità.”

“Aħna m’aħniex ser nieqfu hawn. Ser nagħmlu l-parti tagħna. Ser nibqgħu niddefendu l-ġurnalisti daqs kemm ser nibqgħu niddefendu d-demokrazija,” temm jgħid l-ewroparlamentari David Casa.