Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista għandhom jibqgħu jistinkaw – Clyde Puli

Il-bidla minn Kunsilli Lokali għal Gvern Lokali se tkun biss bidla fl-isem, jekk il-Gvern se jibqa’ jneħħilhom il-poteri.

Madankollu, il-Kunsillieri Nazzjonalisti għandhom jibqgħu jistinkaw, sew jekk f’maġġoranza u sew jekk f’minoranza, biex iservu lill-poplu.

Kliem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt laqgħa għall-Kusillieri Nazzjonalisti, b’appell ċar ukoll biex ma jħallu lil ħadd jagħmlilhom sarima ma’ ħalqhom.

Filwaqt li faħħar il-mod kif qed jaħdmu il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista f’minoranza, Clyde Puli semma’ każijiet fejn bil-persważjoni tagħhom, ikkonvinċew lill-maġġoranza tal-Kunsill biex jieħdu deċiżjoni aħjar fl-interess tar-residenti.

Semma’ wkoll numru ta’ każijiet fejn il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista f’minoranza kienu voċiferi ħafna favur l-interessi tal-lokalitajiet li jirrappreżentaw.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista saħaq li xogħol il-minoranzi hu wkoll li jiskrutinaw l-operat tal-Kunsilli Lokali tagħhom u jassiguraw li kull ħidma tkun ta’ servizz lejn ir-residenti.

Appella lill-awtoritajiet biex jassiguraw li l-minoranzi fil-Kunsilli Lokali jkollhom l-ispazju fejn jaħdmu u li jiġu dejjem rispettati.

Fl-istess laqgħa kien hemm numru ta’ interventi mill-Kunsillieri preżenti, li kellhom l-opportunità jressqu ‘l quddiem punti importanti ta’ kif il-ħidma tagħhom tista’ tkun dejjem aħjar u aktar effettiva.

Għal din il-laqgħa, li hi waħda minn sensiela li qed isiru mal-istrutturi kollha tal-Partit, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli kien akkumpanjat minn Charles Bonello, President tal-Kulleġġ Kunsilllieri Lokali Partit Nazzjonalista u Kordinatur tal-Partit għall-Kunsilli Lokali.