Lokali Qorti

L-akkużat b’attentat ta’ qtil fuq martu, li ma tiftakar xejn x’ġara – jingħata l-libertà proviżorja

Mara li sfat feruta gravament u kważi maqtula meta allegatament żewġha ta diversi daqqiet ta’ martell fuq rasha ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti dettalji dwar l-inċident.

Dan kollu seħħ hekk kif Emmanuel Borg ta’ 61 sena mill-Mellieħa ingħata l-libertà proviżorja wara li kienu ilu arrestat minn mindu tressaq fit-13 ta’ Novembru li għadda.

Il-vittma li wkoll għandha 61 sena, sofriet minn ġrieħi serji f’rasa u wiċċha wara l-attakk li seħħ fid-dar tal-koppja fi Triq Qasam Barrani, fil-inħawi tal-Bajja tal-Prajjiet fejn żewġha qed iwieġeb li mhux ħati ta’ atttentat ta’ qtil u attakk brutali.

Il-mara, li kienet ittieħdet malajr l-isptar Mater Dei qalet fil-Qorti li ma tiftakar xejn minn dak li għadda minn għaliha dak inhar tal-inċident u dan riżultat tal-ġrieħi li ġarrbet. Qalet li tiftakar li kienet sajritlu, marret fis-sodda u qamet l-isptar.

Fortunatament il-kundizzjoni tagħha tjiebet minn dak inhar tal-inċident bl-Ispettur Clayton Camilleri jgħid fil-Qorti li l-akkużat ammetta u ħa r-responsabbilità ta’ dak li għamel lil martu waqt l-interogazzjoni.

L-Avukat Difensur tal-akkużat, Lennox Vella għamel talba oħra għall-ħelsien mill-arrest, wara li l-ewwel talba tiegħu meta kien tressaq ir-raġel kienet ġiet rifjutata.

Din id-darba l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella laqgħet it-talba fuq depoiżitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Ordni ta’ protezzjoni kienet diġa’ nħarġet wara li kien tressaq ir-raġel.