Naqsu l-protesti popolari li damu għaddejjin il-jiem wara li r-reġim f’Tehran ikkonferma żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fuel. Kelliema qrib ir-reġim irreferew ‘għas-sitwazzjoni ta’ kalma’ wara li l-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran ħarġet b’theddida ta’ azzjoni deċiżiva f’każ li ma jieqfux il-protesti kontra l-Gvern.
Intant, l-aħħar filmati u materjal ieħor fuq il-media soċjali indikaw li l-protesti komplew xorta waħda f’diversi bliet tal-Iran matul il-lejl tat-Tnejn. Il-filmati ħarġu bi sfida għaċ-ċensura imposta fuq l-Internet mit-Tmexxija tal-Iran, iżda l-awtentiċità tagħhom ma setgħetx tkun ikkonfermata mill-aġenziji tal-istampa barranin.
Numru ta’ nies, inklużi membri tal-pulizija, tilfu ħajjithom fil-protesti li bdew il-ġmgħa l-oħra għall-aħbar li l-prezzijiet tal-petrol kienu żdiedu b’talanqas 50 fil-mija. Matul dawn il-jiem tal-inkwiet, spiċċaw arrestati madwar 1,000 persuna li qed ikunu akkużati dwar ‘sehem f’rewwixta’ kontra l-awtoritajiet Iżlamiċi.
//= $special ?>