Sport

Mahut u Herbert determinanti għal Franza

Il-koppja Pierre-Hugues Herbert u Nicolas Mahut, rebbieħa tat-titlu tad-doubles il-Ħadd li għadda fil-finali ATP f’Londra, kienu determinanti għal Franza lbieraħ fit-Tazza Davis hekk kif Franza għelbet lill-Ġappun 2-1, bil-koppja Franċiża tikseb il-punt deċiżiv.

Herbert u Mahut għebu lill-koppja Ġappuniża Ben McLachlan u Yasutaka Uchiyama 6-7, 6-4, 7-5, fil-logħba tad-doubles li kienet dik deċiżiva. Fl-ewwel logħba singles Jo-Wilfried Tsonga għeleb lil Yasutaka Uchiyama 6-2, 6-1 biex poġġa lil Franza minn fuq iżda fit-tieni singles Yoshihito Nishioka għeleb lil Gael Monfils 7-5, 6-2.

Fil-logħbiet l-oħra tas-sessjoni tal-bieraħ wara nofsinhar, l-Arġentina għelbet faċilment liċ-Ċili 3-0, filwaqt li l-Kazakistan ukoll kellhom bżonn rebħa fid-doubles biex għelbu lill-Olanda.

Guido Pella għeleb lil Nicolas Jarry 6-4, 6-3 u Diego Schwartzman għeleb lil Cristian Garin 6-2, 6-2, biex l-Arġentina aċċertaw minn din ir-rebħa. Wara l-Arġentina permezz ta’ Máximo González u Leonardo Mayer, taw ukoll it-tielet punt lill-pajjiżhom meta għelbu lill-koppja Ċilena Jarry u Hans Podlipnik-Castillo  6-3, 7-5.

Fil-konfront l-ieħor il-Każakistan rebħu l-ewwel singles permezz ta’ Mikhail Kukushkin li għeleb lil Botic van de Zanschulp 6-2, 6-2, iżda l-Olandiżi wieġbu permezz ta’ Robin Haase li għeleb lil Alexander Bublik 7-5, 3-6, 7-6.

Fil-konfront deċiżiv tad-doubles, il-koppja Mikhail Kukushkin u Alexander Bublik għelbet lill-koppja Olandiża magħmula minn Robin Haase u Jean-Julien Rojer 6-4, 7-6.