Futbol

Malta titlef kontra Ċipru b’gowls fit-tieni taqsima

MALTA …………………….0 ĊIPRU ……………………. 2

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena temm l-impenji tiegħu b’telfa kontra Ċipru 0-2, biċ-Ċiprijotti jiskorjaw iż-żewġ gowls tagħhom fit-tieni taqsima. Din il-logħba ntlagħbet fl-istadium Valentino Mazzola f’Santarcangelo fl-Italja fejn intlagħab dan it-turnament ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonat tal-UEFA ta’ taħt id-19-il sena.

Il-Maltin kellhom prestazzjoni tajba u r-riżultat hu xi ftit kiefer mal-Maltin li għal diversi ħinijiet qasmu l-logħob mal-avversarji. L-iskor infetaħ kmieni fit-tieni taqsima meta Thomas Nikolau skorja direttament minn freekick. Ir-reazzjoni tal-Maltin kienet waħda tajba fejn il-goalkeeper avversarju wettaq ukoll save tajjeb fuq xutt ta’ Nick Ghio.

Il-Maltin kellhom anki opportunitajiet oħra permezz tas-sostituti Ryan Tonna u Mattia Veselji biex fil-ħin miżjud kienu kastigati bit-tieni gowl ta’ Ċipru li kien skorjat minn Andronikos Kakoulli. Fil-logħba l-oħra minn Grupp 6 li ntlagħbet ilbieraħ, l-Italja għelbet lis-Slovakkja 3-0 biex l-Azzurrini spiċċaw fl-ewwel post tal-grupp b’punti massimi.

It-tim Malti lbieraħ lagħab b’din il-formazzjoni: Amara Sylla, Andreas Vella, Glenn Attard, Christian Gauci, Shaun Dimech, Jamie Sixsmith, Paul Mbong, Jake Ghio (80 Ryan Tonna), Alexander Satariano, Sebastian Grech (64 Mattia Veselji), Carlo Zammit Lonardelli.