Lokali

Mara taqa’ waqt operazzjoni f’Mater Dei – issofri ksur f’daharha

Mara ta’ 58 sena residenti Birżebbuġa sofriet ġrieħi serji kawża ta’ inċident li seħħ matul il-ġurnata tat-Tnejn f’sala tal-operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei.

Minn informazzjoni li għandu Net News jirriżulta li l-professjonisti mediċi kienu qed joperaw lil din il-mara, meta għal xi raġuni waqgħet minn fuq il-mejda tal-operazzjoni waqt li kienet taħt l-effett tal-loppju.

Sorsi tagħna qrib l-inċident spjegaw li mal-waqgħa, il-mara sofriet ksur fis-sinsla ta’ daharha u kellha tiġi operata b’urġenza. Saħansitra jirriżulta li għandha diversi biċċiet tal-metall f’daharha.

Fi stqarrija mill-Gvern it-Tnejn filgħaxija, l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministeru tas-Saħħa, ħareġ li dwar dan l-inċident infetħet inkjesta maġisterjali.

Il-Gvern ma ta l-ebda dettalji oħra dwar l-inċident, hekk kif l-istqarrija kienet tikkonsisti biss f’żewġ sentenzi. Fid-dawl ta’ dan mhux magħruf b’mod uffiċjali x’inhi l-kundizzjoni tagħha jew x’wassal għal dan l-inċident.