Futbol Sport

Wara din il-kompetizzjoni l-futur se jkun aħjar żgur – Ray Farrugia, kowċ nazzjonali

(Ritratt: Joseph Galea)

“Bħala pajjiż żgħir qomna għall-okkażjoni u tajna qalbna.” Kliem il-kowċ nazzjonali Ray Żażu Farrugia fil-konferenza stampa ta’ wara t-telfa ta’ 2-1 kontra n-Norveġja. Farrugia qal li telfa tibqa’ telfa iżda jinsab sodisfatt hekk kif sostna li ma kienx faċli wara t-telfa bħal dik kontra Spanja, li t-tim Malti jiskorja u jibqa’ sal-aħħar jipprova li jevita t-telfa.

Ray Farrugia tenna li f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni żamm kelmtu li jintroduċi ż-żgħażagħ. “Ħloqna grupp ta’ żgħażagħ fin-nazzjonali. Sfortunatament tlifna lil Matthew Guillaumier minħabba injury u xtaqna li hu kien ma’ dawn iż-żgħażagħ. Wara din il-kompetizzjoni l-futur se jkun aħjar żgur. Kull logħba hi esperjenza.”

Hu reġa’ għamel referenza li f’dan il-grupp, Malta rebħet għall-ewwel darba lil Gżejjer Faroe f’logħba kompetittiva. Farrugia żied li din ir-rebħa ma kinitx faċli għaliex qal li n-Nordiċi għandhom 13-il plejer jilgħab barra l-pajjiż kontra t-tnejn tagħna li jilagħbu fir-raba’ diviżjoni fl-Ingilterra u fit-tielet diviżjoni tal-Portugall, b’referenza għal Luke Gambin u Zach Muscat rispettivament.

Farrugia saħaq li flimkien mal-istaff tiegħu żammew kelmtom u għamlu li qalu filwaqt li sostna li l-mirakli ma jsirux. Hu kompla li waħda mill-isfidi kienet li jibnu atmosfera, xi ħaġa li rnexxielhom hekk kif semma li wara l-logħba, Alfred Effiong ħareġ jibki bl-emozzjoni ta’ kif żvolġiet il-logħba.