Wara li l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera astjeniet mill-tisma’ l-appell tat-tliet Ministri tal-Gvern fuq il-Vitals, issa l-Imħallef Aaron Bugeja li kien ġie assenjat lilu l-każ astjena wkoll milli jisma’ l-Appell.
Il-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna qegħdin jitolbu biex tinbidel deċiżjoni Maġisterjali li kienet iddeċidiet li huma għandhom jiġu nvestigati kriminalment dwar l-għoti tat-tliet sptarijiet lill-kumpanija Vitals Global Healthcare.
Il-Maġistrat Doreen Clarke kienet laqat talba ta’ Repubblika biex jiġu nvestigati dawn l-allegazzjonijiet kriminali fejn f’digriet li tagħat qalet li evidenza ġdida dwar il-kondotta tat-tliet Ministri timmerità nkjesta fuq kif sar il-bejgħ tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-isptar ġenerali t’Għawdex.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera astjeniet wara li l-appell ġie quddiemha, f’dak li hija qalet li kien se jkun kunflitt ta’ interess peress li ħuwa, Josè Herrera jagħmel parti mill-kabinett tal-Ministri.
L-Imħallef Aaron Bugeja f’digriet li ta qal li huwa qed jastjeni fid-dawl tal-fatt li Repubblika qegħdin jikkontestaw il-prassi ta’ kif jinħatru l-ġudikanti f’Malta. Dan invista tal-fatt li qed ikun hemm referenza li saret lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-mod kif jinħatru l-ġudikanti. Dan jolqot ukoll lis-sitt membri tal-ġudikatura li ġew appuntati f’April li għadda, u li l-Imħallef Bugeja huwa wieħed minnhom.
Minkejja li m’għandux x’jaqsam ma’ każijiet fuq inkjesti, l-Imħallef Bugeja qal fid-digriet li ta li biex tiġi mħarsa l-ġustizzja “li din għandha mhux biss issir b’integrità, imma tidher li qed issir mingħajr ebda dubju raġonevoli u s-suspett ta’ imparzjalità, preġudizzji, favuri jew inġustizzji”, huwa kien qed jastjeni milli jisma’ l-Appell. L-Appell issa ġie assenjat mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi lill-Imħallef Edwina Grima.
//= $special ?>