Il-Palestinjani kkundannaw id-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex tirtira mill-pożizzjoni preċedent – effettiva għal 40 sena – fis-sens li r-residenzi għal-Lhud fix-Xatt tal-Punent okkupat huma ‘inkonsistenti mal-liġi internazzjonali’.
Filwaqt li l-Prim Ministru Netanyahu qal li l-pass tal-Amerikani biex jillegalizzaw dawn ir-residenzi ‘qed ipatti għal inġustizzja storika’, in-negozjatur ewlieni tal-Palestinjani, Saeb Erekat, wieġeb li d-deċiżjoni ta’ Washington ‘qed thedded li l-liġi internazzjonali tinbidel mal-liġi tal-ġungla’.
In-Nazzjonijiet Uniti tqis ir-residenzi għal-Lhud fix-Xatt tal-Punent bħala illegali taħt il-liġi internazzjonali. Ir-residenzi inkwistjoni, fil-fatt, huma komunitajiet li l-Iżraeljani bnew fuq l-art li huma okkupaw fil-Gwerra tal-Lvant Nofsani tal-1967. Il-komunitajiet ilhom sors ta’ diżgwid qawwi bejn Iżrael, il-komunità internazzjonali u l-Palestinjani.
Fl-istess ħin, id-deċiżjoni tal-Istati Uniti qed titqies bħala rebħa għal Netanyahu li impenja ruħu biex jinsisti bid-‘dritt tas-sovranità’ tal-Iżraeljani fuq ir-residenzi kollha fix-Xatt tal-Punent – flimkien mal-Wied tal-Ġordan u z-zona tal-Baħar Mejjet.
Il-Palestinjani ilhom isejħu għat-tneħħija tar-residenzi (fejn qed jgħixu mas-600,000 Lhud) fix-Xatt tal-Punent. Huma qed jgħidu li l-preżenza tal-Lhud fl-art li l-Palestinjani jridu għal Stat futur tagħmilha kważi impossibbli biex l-Istat tal-Palestina jiġi realizzat.
//= $special ?>