Lokali

L-Oppożizzjoni toħroġ mill-parlament wara li l-PM ma jweġibx jekk hux se jneħħi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi

Il-bini tal-Parlament

L-Oppożizzjoni llejla ħarġet mill-parlament wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat naqas milli jiddikjara jekk hux se jneħħi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri.

Fil-ħin tal-istqarrijiet ministerjali l-Prim Ministru qal li kien ikkonsulta mal-investigaturi u qal li kien mitlub biex iżomm lura minn ċertu informazzjoni li tingħata u li hu se jagħmel stqarrija u diskussjonijiet mal-Oppożizzjonijiet fejn iwieġeb il-mistoqsijiet kollha. Bħalissa għaddejjin interrogazzjonijiet delikatissimi, sostna l-Prim Ministru, li qal li kien se jagħmel stqarrija ministerjali jew tittieħed seduta l-ġimgħa d-dieħla. Lest nissottometti ruħi għall-istkrutinju tal-Kamra, sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ sieket dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi

Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni Robert Arrigo qal li l-Opppżizzjoni ilha tistaqsi dwar din is-sitwazzjoni u staqsa jekk keċċiex jew hux se jkeċċi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Il-Viċ-Kap tal-Oppożizzjoni Robert Arrigo li nsista li l-Prim Ministri jiddikjara jekk hux se jkeċċi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi

Il-Prim Ministru qal li lest jaffronta l-mistoqsijiet kollha fil-ħin opportun. Dak li ġara hu biss l-ewwel riżultat tax-xogħol li għamel il-Gvern mal-istituzzjonijiet li ilhom ikunu kkriitkati. Dan wera l-istat u hu ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, sostna l-Prim Ministru, li kompla li ma jiddejjaqx jieħu d-deċiżjonijiet. Hu kompla li qed jerfa’ r-responsabbiltà u sostna li se jasal iż-żmien meta jirriżenja iżda hemm għażla min imexxi. Pajjiżna għandu bżonn tmexxija u se nibqa’ mmexxi u nagħti direzzjoni waqt li nerfa’ r-responsabbiltajiett kollha fit-tajjeb u l-ħażin.

Joseph Muscat qal li se jagħti l-informazzjoni kollha li ma setax jagħti f’dawn is-sentejn u kompla li dak li jgħaqqad hu li ssir ġustizzja. Dak li seħħ fis-siegħat li għaddew wera li l-istituzzjonijiet fil-pajjiż jaħdmu.

Robert Arrigo qal li l-mistoqsija kienet dwar jekk Keith Schembri u Konrad Mizzi hux se jitneħħew.

Il-Prim Ministru wieġeb li ż-żewġ persuni ma ġewx ismemmija llum.

Quddiem din il-pożizzjoni tal-Prim Ministru, il-Viċi-Kap tal-PN Robert Arrigo qal li minħabba li m’hemmx risposta l-Oppożizzjoni se toħroġ mill-Parlament.